Mexxejja Ewropej jiddiskutu r-ritmu li bih qiegħed isir it-tilqim

Azzjoni wara kritika ta’ bidu “dgħajjef” fit-tilqim tal-Covid-19… Il-Ministru Fearne ma jaqbilx li hemm dewmien 

Miktub minn Carmen Cachia

Il-ġirja kontra l-ħin mill-mexxejja tad-dinja biex jikkontrollaw l-epidemija tal-Coronavirus billi jlaqqmu kemm jista’ jkun nies f’perjodu fejn proprju hemm żieda fl-infezzjonijiet fl-Ewropa, ħafna qegħdin jilmentaw li l-programmi ta’ tilqim fl-Unjoni Ewropea, għaddejjin bil-mod. Proprju għal dan il-għan il-mexxejja Ewropej għamlu laqgħa apposta biex jiddiskutu kif ikun l-aħjar li jikkontrollaw il-pandemija tal-Covid-19.

Din il-laqgħa saret il-Ħamis wara li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-pajjiżi membri biex ilaqqmu 70% tal-adulti sas-sajf li ġej u qabel saret din il-laqgħa, il-Euronews tkellem dwar l-istrateġija tat-tilqim tal-UE mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa ta’ Malta, Chris Fearne. Fir-rapport intqal li għal Malta l-mira hija li t-tilqima tingħata lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u lill-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena sa Marzu li ġej. Din l-istrateġija tħaddnet minn diversi stati membri oħra.

Fearne qal li, “il-mira realistika, imma ambizzjuża, hija li sa l-aħħar ta’ Settembru nkunu laqqamna 70% tal-popolazzjoni”. Uffiċjal ieħor għoli tal-UE, rigward approvazzjoni aktar mgħaġġla ta’ tilqim ġdid mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea (EMA), qal li, “is-sigurtà u l-proċeduri għandhom prijorità”.

Negozjar bħala blokk ġab trasparenza fil-prezz…

Dwar jekk l-istrateġija Ewropea hiex qiegħda twassal għal dewmien, il-Ministru Fearne ma qabilx. Huwa sostna li kien importanti ħafna li pajjiż żgħir bħal Malta, jidħol fi ftehim ta’ xiri ta’ din it-tilqim mal-blokk Ewropew.

“Hemm għadd ta’ vantaġġi. Meta ninnegozjaw bħala blokk mal-industriji farmaċewtiċi, għandna aktar saħħa biex ninnegozjaw milli kieku ninnegozjaw bħala pajjiżi membri b’mod individwali. Iżda aktar minnhekk, hemm trasparenza fil-prezz. Meta ngħaqadna flimkien, irnexxielna nżommu l-prezzijiet baxxi,” spjega Fearne.

Fl-intervista Fearne tkellem ukoll dwar il-passaporti biċ-ċertifikazzjoni għal dawk li jieħdu t-tilqima. Dan fid-dawl li Malta hija waħda mill-aktar destinazzjonijiet imfittxija fl-Ewropa u l-ekonomija tagħna tiddependi ħafna mit-turiżmu. Il-Ministru tas-Saħħa Fearne qal li, “din se tkun għodda oħra li tgħin biex il-pajjiżi jiftħu l-bibien tagħhom” u spjega li diġà hemm pajjiżi li għandhom żoni ħomor u ħodor b’restrizzjonijiet differenti ta’ vjaġġar. Huwa żied jgħid li l-istess livell ta’ tilqim huwa meħtieġ mal-Ewropa kollha u li jintlaħqu ċerti miri.

Share With: