Mijiet ta’ immigranti salvati mill-Ocean Viking barra mil-Libja

Aktar minn 350 immigrant ġew salvati ’l barra mill-kosta Libjana mill-Ocean Viking. L-NGO umanitarja SOS Mediterranee qalet li lbieraħ filgħaxija b’kollox ġew salvati 106 persuni f’ibħra internazzjonali madwar 50 kilometru ’l barra mill-kosta Libjana.

L-NGO qalet li l-appelli lill-awtoritajiet Libjani għall-għajnuna waqgħu fuq widnejn torox, u wara talbet l-assistenza tal-awtoritajiet Maltin u Taljani.

“It-temp kulma jmur qed jaqleb għall-agħar. Jeħtieġ li nidħu f’port sigur fi żmien qasir.”

Intant ilbieraħ filgħodu l-Ocean Viking salva 149 persuna minn żewġ dgħajjes. Fost dawk salvati kien hemm 58 persuna minorenni u erba’ trabi, b’wieħed minnhom ikollu biss xahar.

Sa minn nhar il-Ħamis, l-Ocean Viking salva 374 persuna, li minnhom 165 huma tfal.

Share With: