Kearon

“Mil-lat ekonomiku pajjiżna taħt Robert Abela eċċella” – L-ekonomista Kearon Bruno

L-ekonomista żagħżugħ Kearon Bruno irrimarka li mil-lat ekonomiku pajjiżna eċċella taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela minkejja li l-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru kienet imxekkla mill-pandemija.

Bruno sostna li lkoll kemm aħna naqblu li s-sena li għaddiet ma kinitx waħda pjaċevoli hekk kif l-imxija tal-Covid-19 waqqfet b’mod ħesrem l-operat ta’ numru kbir ta’ setturi u kif ukoll il-mobbilta tar-riżors uman. 

“Kienet sena diffiċli fejn għarafna kemm konna nieħdu ħafna affarijiet bażiċi ‘for granted’. Kienet sena fejn għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fi kriżijiet ta’ qabel, il-gvernijiet kienu pronti sabiex jaġixxu minnufih fl-aħjar interess tal-poplu”.

Kien hawn li saħaq li mil-lat ekonomiku pajjiżna taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela eċċella tnat li tressqu numru sostanzjali ta’ stimoli fiskali sabiex jgħinu u jipprovdu għajnuna finanzjarja lil dawk milquta. 

“Ovvjament pajjiżna seta jagħmel dan riżultat tal-mod ekonomikament għaqli li mexa’ bih matul l-aħħar snin fejn il-Gvern bena’ ekonomija reżiljenti u fl-istess ħin indirizza l-problema tad-dejn”. 

Bruno sostna li sfortunatament kien hemm pajjiżi oħra li minħabba l-problemi ekonomiċi li kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom qabel din il-pandemija ma setgħux ikunu ġenerużi f’dan iż-żmien diffiċli u riżultat ta’ hekk spiċċaw ibatu n-negozji u ċ-ċittadini tagħhom. 

“Ir-ruħ soċjalista tal-Prim Ministru Robert Abela ħarġet bl-aktar mod sħiħ matul din il-pandemija hekk kif b’miżuri bla ebda preċedent, bħalma huma l-‘wage supplement’ u l-vawċers, ra kif jagħti kuraġġ u tama mill-aspett ekonomiku lil dawk li kienu l-aktar milquta minn din il-pandemija. Dawn il-miżuri għenu sabiex jiġu salvati eluf ta’ xogħlijiet u negozji”.

L-ekonomista żied li minkejja li fl-ewwel sena tiegħu kellu jħabbat wiċċu ma’ pandemija Abela xorta kien kommess li jkompli jaħdem għall-ġid kollettiv ta’ dan il-pajjiż u daħħal aktar miżuri u leġislazzjonijiet biex il-pajjiż ikompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu b’mod speċjali fejn jidħlu l-MoneyVal u l-Greco. 

“Bħala ekonomista żagħżugħ inħoss li t-tmexxija tal-Prim Ministru matul din l-aħħar sena hija pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex meta negħlbu din il-pandemija nerġgħu nqumu fuq saqajna minnufih u nkomplu nibnu ekonomija li tkun diversifikata, sostennibli u resiljenti”, żied jgħid Bruno.

Share With: