7,258 persuna fi kwarantina mandatorja
Waqt l-aġġornament b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, il-Professur tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat li l-proċess ta’ tilqim sejjer tajjeb ħafna. Mill-Ħadd li għadda bdew jingħataw ukoll it-tieni dożi. Hija appellat lil dawk li għandhom xi problema rigward it-tilqim biex iċemplu fuq il-145 biex jingħataw aktar dettalji.
Persuni rikoverati
Minn fost dawk li qegħdin jingħataw il-kura hemm
18-il persuna fl-ITU
Disa’ persuni fl-IDU
43 persuna fi swali oħra tal-Isptar Mater Dei
11-il persuna fl-Isptar Boffa
10 persuni f’St.Thomas
12-il persuna f’Karin Grech
57 persuna fil-Good Samaritan
Erba’ persuni f’Mount Carmel
14-il persuna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-każi komplew jiżidedu
Il-medja ta’ każi attivi fl-aħħar ġimgħa kienet ta’ 172 każ. Dan minkejja li dik r-rata li kellna fil-bidu tas-sena jidher li qiegħda tibda tonqos bil-mod.
Il-clusters
Gauci spjegat li l-akbar firxa hija bejn il-familjari fejn hemm 362 persuna li kienu involuti f’kuntatti li varjaw minn clusters żgħar għal oħrajn akbar.
Kien hemm 110 persuni li rriżultaw pożittivi minn postijiet tax-xogħol, 53 persuna mill-istess residenza, 52 persuna minn tlaqqigħ soċjali, 31 persuna minn djar tal-anzjani, 25 persuna minn gyms u attivitajiet sportivi u 18-il każ impurtat.
L-ittestjar
Filwaqt li enfasizzat dwar l-importanza tal-ittestjar, Gauci fakkret dwar l-importanza li qiegħda tingħata fl-ittestjar mill-ajruport. Fl-aħħar jiem saru 1,029 test li minnhom kien hemm żewġ persuni li rriżultaw pożittivi.
Gauci tkellmet dwar l-importanza li l-persuni li jkollhom is-sintomi jistennew li joħorġilhom it-test qabel joħorġu fil-komunità. Hija ħabbret li bħalissa hemm 7,258 persuna li jinsabu fi kwarantina u għalhekk appellat biex nibqgħu nirrispettaw lil xulxin.
Evalwazzjoni tal-każi
Mistoqsija dwar l-evalwazzjoni taż-żieda fil-każi ġodda, Gauci spjegat li meta nħarsu lejn is-sitwazzjoni l-awtoritajiet jaraw minn fejn il-persuna qiegħda tiġi infettata. Hija qalet li l-attivitajiet fil-Milied u fl-ewwel jiem tas-sena kellhom impatt qawwi fejn kellek persuni li ltaqgħu u komplew jifirxu l-virus. Hija qalet li t-temperatura wkoll ħalliet l-impatt tagħha. Min-naħa l-oħra s’issa l-każi tal-varjant huma minimi u b’hekk ma jidhirx li dan kellu impatt fuq din iż-żieda tal-każi.
Meta mitluba twieġeb għal każ ta’ persuna li ġiet infurmata li hija pożittiva għall-virus, iżda ma ngħatat l-ebda dettalji dwar kif taħdem is-sistema tal-contact tracing, Gauci appellat biex kull minn jirriżulta pożittiv jibda immedjatament bil-perjodu ta’ iżolament flimkien ma’ dawk li jgħixu fl-istess residenza. Appellat ukoll biex dawn il-persuni jilħqu jħejju lista ta’ persuni li kienu ġew f’kuntatt magħhom. Hija qalet li din il-lista tkun qiegħda tgħin fil-proċess tal-contact tracing.
AQRA WKOLL: