Miżuri tal-gvern iħallu l-frott hekk kif kumpanija Maltija timpjega 25 persuna ġdida sal-aħħar tas-sena 2020

Permezz tal-miżuri mħabbra fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, il-kumpanija E&L Enterprises Ltd żammet lill-ħaddiema kollha li kienu jammontaw għal 70 anke matul il-perjodu tal-pandemija. Aktar minn hekk, minkejja d-diffikultajiet tas-sitwazzjoni, b’sodisfazzjon kbir il-kumpanija impjegat 25 persuna ġdida sal-aħħar tas-sena.

Waqt żjara li għamlu l-Ministri Silvio Schembri u Miriam Dalli kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, is-sid tal-kumpanija E&L Enterprises Ltd Joe Camilleri spjega li l-kumpanija ssalvagwardjat l-impjiegi tal-ħaddiema tagħha u ħolqot impjiegi ġodda.

E&L Enterprises Ltd toffri servizzi ta’ manifattura fis-settur tal-ħadid, inkluż l-immanifatturar ta’ strutturi fil-kostruzzjoni u servizzi oħra relatati mal-finituri tal-istess prodott. Matul is-sena li għaddiet il-kumpanija kompliet tinvesti f’makkinarju ġdid li jaqta’ u jgħawweġ il-ħadid u li jintuża f’industriji differenti. Dan kien possibbli anke grazzi għall-fondi Ewropej. Biex issaħħaħ il-produttività tagħha, il-kumpanija għamlet investiment addizzjonali ta’ nofs miljun ewro.

Il-Ministru Silvio Schembri nnota li fl-aktar sena ta’ sfida, in-negozji raw li jaħtfu l-opportunità u jiddiversifikaw is-servizzi tagħhom tant li dan wassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. “Huwa proprju fuq dan l-aspett li se naraw li nibnu flimkien tkabbir ekonomiku għal pajjiżna li fl-aktar żmien ta’ sfida wera r-reżiljenza u l-kapaċità li jkun innovattiv u jsib metodi ġodda biex jadatta. Bħal dan il-każ fejn il-kumpanija E&L rat li żżewweġ il-manifattura tradizzjonali mal-automation permezz ta’ xiri ta’ żewġ magni ġodda li wasslu biex għollew il-livell ta’ produzzjoni. Bħala gvern se naraw li nibqgħu nassistu lin-negozji, lill-industrija u lill-impjiegi tal-familji tagħna biex flimkien inwittu t-triq għall-irkupru ekonomiku”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-impenn tal-gvern biex ikun ta’ appoġġ għan-negozji. “Bħala gvern impenjati li nkomplu ngħinu u nagħtu s-sostenn tagħna lill-industrija lokali, inkluż lil dawk li qed joħolqu impjiegi ta’ natura teknika. L-impenn tagħna huwa li nkomplu nagħtu għajnuna mhux biss fi żmien ta’ pandemija imma qed naraw kif ninċentivaw l-intrapriżi u jkomplu jikbru u joħolqu l-impjiegi”.

Il-Ministru Dalli nnutat li bl-iżviluppi teknoloġiċi, il-ħidma u l-produttività tan-negozji tissaħħaħ u bl-istess mod jissaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema. “Għalhekk hu importanti li nkomplu ngħinu lin-negozji jinvestu fil-ħiliet tal-impjegati tagħhom”, qalet Dr Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l-intrapriża bbenefikat minn żewġ proġetti ffinanzjati mill-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes. Dawn l-iskemi qed jagħtu l-opportunità lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex ikabbru l-operat tagħhom hekk kif jinċentivaw aktar investiment.

Waqt din iż-żjara, Dr Zrinzo Azzopardi semma li b’investiment ta’ €254,000 minn fondi Ewropej, din il-kumpanija qed tinvesti f’makkinarju u f’tagħmir ġdid bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Dan wassal biex il-kumpanija żiedet l-effiċjenza operattiva u produttiva tagħha filwaqt li żiedet ukoll aktar ħaddiema.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ E&L Enterprises Ltd Joe Camilleri esprima apprezzament għall-miżuri ekonomiċi kollha li ħabbar u implimenta l-gvern tul il-pandemija. Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri, il-kumpanija bbenifikat u setgħet tkompli għaddejja bil-pjanijiet tagħha b’mod konsistenti.

Share With: