Ml-Ministru Dalli tħabbar l-Iskema tal-Wage Supplement 2021 b’allokazzjoni ta’ €120 miljun fuq tliet xhur

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli nediet l-iskema l-ġdida tal-wage supplement għall-2021, b’mod li l-għajnuna tkun immirata lejn dawk il-kumpaniji li l-aktar intlaqtu ħażin mill-pandemija.

L-iskema, li ġiet varata fil-preżenza tal-istakeholders, hija mmirata biex tilħaq l-akbar firxa ta’ kumpaniji u impjegati u tfisser investiment ta’ €40 miljun fix-xahar.

“L-iskema 2021 hija bbażata fuq dak li ħadem għan-negozji fix-xhur li għaddew, u smajna wkoll x’kien qed iħasseb lis-sidien tan-negozji u l-imsieħba soċjali. Dak li preżentajna llum huwa frott ta’ dawn id-diskussjonijiet. Qed naraw li ghal kull ewro li ninvestu nilħqu l-ikbar effett”, qalet il-Ministru Dalli.

Hija spjegat kif illum qed nidħlu f’fażi ġdida fejn qed ngħinu iktar, filwaqt li nindirizzaw  lil dawk il-kumpaniji li l-aktar intlaqtu ħażin mill-pandemija.

Għodda ġdida li qed tiġi introdotta hija dik li l-wage supplement jingħata wkoll lil dawk il-ħaddiema li fuq bażi volontarja telqu mill-post tax-xogħol tagħhom u min iħaddem kellu jimpjega persuna ġdida, minħabba r-rwol essenzjali li l-impjegat kien jaqdi.

“Qed inżidu l-investiment biex insalvaw l-impjiegi, b’60% tal-applikanti se jkunu qed iżommu l-istess livell ta’ wage supplement, jew saħansitra jirċievu aktar. Barra minn hekk, flimkien mal-istakeholders, qegħdin naħdmu fuq strateġija għal wara Marzu biex inkomplu ngħinu lil kumpaniji jimxu ‘l quddiem u jikbru”, spjegat il-Ministru Dalli.

Fakkret li flimkien ma’ din l-għajnuna, in-negozji Maltin u Għawdxin qed jirċievu għajnuna permezz ta’ skemi bħal dawk tal-kontijiet tad-dawl u  fuq il-kirjiet.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li, “Madwar 40% tal-kumpaniji se jaraw żieda fuq il-wage supplement, filwaqt li 20% se jibqgħu fuq l-istess ammont. Dawk in-negozji li marru aħjar mis-sena ta’ qabel u għamlu turnover tajjeb, jew sofrew telf minimu ta’ inqas minn 9% mhux se jkunu eleġibbli għas-suppliment tal-paga. Qegħdin u ser inkomplu naħdmu biex, permezz tal-miżura tal-Business Re-Engineering and Transformation, nippreparaw lin-negozji għax-xhur li ġejjin”.

It-tnedija saret fil-preżenza tal-istakeholders li magħhom kienet diskussa s-sistema tal-wage supplement il-ġdida, fosthom rappreżentanti mill-MHRA, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, l-Assoċazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), il-FELTOM, l-Assoċazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), u l-Assoċazzjoni tal-Industrija tal-Entertainemnt u l-Arti (MEIA).

L-iskema l-ġdida tidħol fis-seħħ mix-xahar ta’ Jannar bil-pagamenti jibqgħu jingħataw darba fix-xahar kif kien qiegħed isir. Dan filwaqt li mhux ser ikun hemm bżonn ta’ applikazzjonijiet ġodda għaliex huma eliġibbli għall-iskema kumpaniji li diġà qegħdin jibbenefikaw illum. Se jkun hemm possibilità li n-negozji jinkludu l-ħaddiema l-ġodda permezz tal-emails li l-Malta Enterprise tibgħat ta’ kull xahar lill-applikanti eżistenti tal-wage supplement.

Share With: