“Pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa fir-rata tat-tilqim”

Waqt id-diskors tiegħu minn Ħal Tarxien il-Prim Ministru qal li importanti li naprezzaw it-tmexxija ta’ pajjiżna. Huwa qal li f’laqgħat virtwali li jkollu jinnota dwar l-ilmenti ta’ pajjiżi oħra li għaddejjin minn realtajiet ebsin. Minkejja dan l-awtoritajiet ta’ pajjiżna, bi sforz qawwi rnexxielhom iżommu taħt kontroll, inkluż dawk tas-saħħa li rnexxielhom jagħtu l-attenzjoni medika lil dawk kollha li kienu jeħtiieġuha.

Abela rringrazzja lill-kuntratturi Maltin li wrew li huma kapaċi billi osservaw id-dati skedati biex jitlesta l-proġett tal-Mini ta’ Santa Luċija. Huwa qal li dan huwa biss wieħed minn “kullana” ta’ proġetti li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Abela tkellem dwar il-prijorità li n-nies f’darhom ikollhom is-serħan il-moħħ. Il-Prim Ministru qal li dan huwa prinċipju li mhux se jkun qiegħed jitbiegħed minnu b’hekk proprju din il-ġimgħa fil-parlament tħabbret ir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. Intant huwa għamilha ċara li dawn ir-riformi mhux se jnaqqsu r-ritmu ekonomiku, iżda se jkun imħares li dan isir b’mod sostenibbli.

Abela fakkar il-memorja ta’ Miriam Pace u qal li bħala gvern qed jagħmel minn kollox biex dak li ġara ma jerġax iseħħ. Huwa qal li r-rapport ta’ dan l-inċident traġiku se jgħin biex wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti, dan il-gvern se jkun kapaċi jiddeċiedi.

Fost waħda mill-bidliet, Abela semma l-fatt li residenti li jkollhom xi tħassib dwar xogħol ta’ żvilupp li jkun għaddej, għandhom iċemplu perit li jaċċerta s-sigurtà tagħhom u dan jitħallas mill-iżviluppatur stess.

Rigward il-pandemija, Abela qal li fadlilna ġimgħat ta’ sagriffiċċju, iżda iva hu bħalma dejjem wiegħed, jemmen li se naħarbu niġru f’kull settur possibbli.

Bħala Prim Ministru, Abela qal li dan il-gvern lest jiddjaloga mal-Oppożizzjoni biex ikun hemm diskussjonijiet li minnhom joħroġ l-aħjar interess għall-poplu kollu.

Rigward il-kriminalità tal-pajjiż, il-Prim Ministru wiegħed li żoni li jbatu minn pressjoni sproporzjonata ta’ immigrazzjoni jingħataw importanza biex ir-residenzi jħossuhom siguri u ma jibżgħux joħorġu. Tkellem dwar iż-żieda tal-preżenza tal-Pulizija li qiegħda tagħti riżultati fil-prevenzjoni tar-reati. Fakkar li xhur ilu kien hemm min insinwa li se jkun qiegħed jinħatar Kummissarju li jkollu jinbidel wara perjodu qasir, iżda llum għandna Korp tal-Pulizija li huwa rispettat għax in-nies emmnu f’din il-bidla tanġibbli.

Abela rringrazzja lill-Ministru Byron Camilleri għall-ħidma tiegħu fl-imigrazzjoni li hija problema tas-sena kollha u mhux biss tax-xhur tas-sajf. Żied jgħid li l-pożizzjoni tagħna hija ċara li pajjiżna huwa full up u li ma jiflaħx aktar.

Il-Prim Ministru qal ukoll li pajjiżna qatt ma mar għal lock down totali għax bħala pajjiż kellna viżjoni ċara. Hawnhekk tkellem dwar l-investiment mediku u kif semma’ aktar kmieni l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne llum qegħdin l-aqwa fl-Ewropa fir-rata tat-tilqim. F’botta lill-Oppożizzjoni huwa qal li l-unika ħaġa li l-PN kapaċi jgħaddi lill-gvern hu meta jiġi biex imaqdar lill-pajjiżna barra minn xtutna.

Ma naqasx milli jsemmi l-arroganza tal-Oppożizzjoni li kapaċi toħodha kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Qal li dan minħabba li Charmaine Gauci kienet kapaċi tieħu deċiżjonijiet għaqlin li żammew l-eknomija ta’ pajjiżna fuq saqajha. L-eks Kap tal-Oppożizzjoni kkummenta li ġab f’postha l-uffiċċjal Pubbliku li fl-aħħar xhur għamlet tant u tant ġid. Intant hawnhekk Abela qal li jifhem lil Simon Busuttil għax qatt ma kellu rebħiet f’ħajtu.

Share With: