“Niggwidaw lill-Organizzazzjonijiet Volontarji filwaqt li niddefendu l-interessi tas-soċjetà u tal-minuri”

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) ifakkar li l-Organizzazzjonijiet Volontarji huma mistennija li jissottomettu applikazzjonijiet tal-Qorti biex jikkonfermaw li l-impjegati tagħhom mhumiex ikkundannati u elenkati fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri. Barra minn hekk, il-proċess ma jitlob l-ebda miżata.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) huwa kommess li jippromwovi x-xogħol impekkabbli li jsir mill-Organizzazzjonijiet Volontarji fis-settur tal-volontarjat. L-Uffiċċju jiżgura li jassisti lill-Organizzazzjonijiet Volontarji biex xogħlhom ikun trasparenti u akkontabbli. Permezz ta’ dan, l-Uffiċċju tal-Kummissarju jara li l-interessi tas-soċjetà u tal-minuri jkunu protetti, mħarsa u assigurati. 

Fejn tidħol il-protezzjoni tal-minuri, matul l-aħħar snin, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji flimkien ma’ entitajiet oħra, inkluż l-Istat wettqu emendi legali importanti li jaċċertaw li l-minuri jkunu ssalvagwardjati u mħarsa. Fid-dawl ta’ dan ix-xogħol, l-Uffiċċju jixtieq jfakkar li kull entità jew organizzazzjoni volontarja li taħdem fil-qasam tat-tfal, ma tħallas l-ebda miżata meta ddaħħal rikors biex tiċċekkja jekk impjegati fi ħdanha humiex imniżżla fir-Reġistru tal-Protezzjoni tal-Minuri. Dan ir-Reġistru jiġbor fih l-ismijiet ta’ individwi li ġew ikkundannati mill-Qorti ta’ Malta għal reati li jkunu wetqu u li jinvolvu l-minuri.

Dan l-aġġustament legali daħal fis-seħħ fl-2017 taħt il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kapitolu 12, Skeda A, Tariffa Ċ tal-Liġijiet ta’ Malta. Qabel l-2017, kwalunkwe entità jew organizzazzjoni volontarja li riedet tiċċekkja jekk impjeagti kurrenti jew prospettivi humiex imniżżla fir-Reġistru, kellha il-miżata ta’ €500 biex jinfetaħ rikors fil-Qorti ta’ Malta. 

L-għan primarju għal din l-emenda importanti huwa li jkunu mħarsa l-interessi tas-soċjetà, li jitnaqqsu ċertu spejjeż lill-Organizzazzjonijiet Volontarji u fuq kollox li jkunu protetti l-minuri. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jemmen bis-sħiħ li l-Organizzazzjonijiet Volontarji għandhom ikollhom aċċess totali għal dan ir-reġistru. Dan jgħin biex ikunu protetti l-minuri li jibbenifikaw bil-kbir mix-xogħol ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. 

It-tneħħija ta’ din il-miżata prinċipalment inċentivat aktar lill-Organizzazzjonijiet Volontarji biex jiffiltraw reklutaġġ prospettiv u għalhekk jippromwovu politika preventiva mingħajr ma jżidu l-ispejjeż. 

Share With: