“Nistennew li dan kien l-aħjar weekend fl-aħħar 12-il xahar” – Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat

Minn Claudio Coleiro

“Qed nistennew li dan kien l-aħjar tmiem il-ġimgħa f’dawn l-aħħar 12-il xahar.” Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat meta mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar l-andament tat-turiżmu f’Għawdex fi tmiem il-ġimġħa li għaddiet.

Is-Sur Muscat beda biex qalilna li “dan kien weekend tajjeb ħafna, fis-sens li l-Maltin minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, din is-sena kienu limitati fis-safar u f’dan il-perjodu għażlu lil Għawdex biex iqattgħu l-aħħar tas-sena hawn.”

“Is-soltu kien ikollna Maltin imma jidher li din is-sena kellna aktar mis-soltu. L-aktar li kienu affettwati kienu s-setturi tas-self-catering u l-lukandi. Ma rridux ninsew dawk il-Maltin li għandhom it-tieni dar tagħhom f’Għawdex li wkoll qasmu l-fliegu.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA kompla jgħid li minkejja d-diversi restrizzjonijiet, fosthom ir-ristoranti f’Għawdex li kellhom jakkomodaw inqas nies minħabba d-distanza soċjali, xorta waħda jidher li l-Maltin għażlu lil Għawdex biex iqattgħu tmiem il-ġimgħa f’din il-gżira u nzerta tajjeb ukoll li l-ewwel jum tas-sena l-ġdida kien il-Ġimgħa. 

Is-Sur Muscat spjega kif l-istatistika turi illi kien hemm żieda fl-ammont ta’ Maltin li marru f’Għawdex fl-ewwel disa’ xhur tas-sena u dan meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Però, dan il-fatt ma jikkumpensax għat-telf li kien hemm mis-suq barrani. 

“Trid tieħu wkoll inkonsiderazzjoni illi l-barranin fostna jagħmlu ħamest iljieli filwaqt li l-Maltin bħala medja jagħmlu żewġt iljieli. Minkejja dan kollu, il-fatt jibqa’ illi ż-żieda li kellna fis-suq domestiku taffiet xi ftit l-effetti negattivi tal-pandemija li ħalliet fuq it-turiżmu b’mod ġenerali.” 

“Qegħdin nistennew li dan kien wieħed mill-aħjar weekends, li għalaqna s-sena u bdejna s-sena l-ġdida bih. Weekend ieħor li kien sostanzjali kien dak tal-Imnarja. Kienu tneħħew ir-restrizzjonijiet relatati mal-qsim lejn Għawdex għal skop ta’ vaganza, il-festa pubblika nzertat it-Tnejn, u hemmhekk rajna konna influss qawwi tal-Maltin.” 

“Dan il-weekend qed nistennew li jissupera dak il-perjodu wkoll. Għawdex dejjem kien il-favorit mas-suq Malti pero’ l-fatt li l-pandemija ġabet dawn ir-restrizzjonijiet fis-safar, żied iżjed l-iskop li wieħed jiġi Għawdex,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-GTA. 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina stqarr ma’ L-ORIZZONT li l-kumpanija tinsab kuntenta bin-negozju li kien hemm fi tmiem din il-ġimgħa li ddeskriviha bħala “waħda mill-aħjar ta’ matul is-sena.” 

Share With: