“Permezz tal-braille sirt persuna aktar indipendenti”

Iċ-Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation jitkellem dwar l-importanza tal-braille

Miktub minn Maria Azzopardi

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Braille li ġie ċċelebrat ilbieraħ, iċ-Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation Joseph Stafrace qal lil inewsmalta li l-braille huwa importanti tant li lilu personali tah ċertu identità u indipendenza.

Huwa qal: “Jiena ngħid li l-braille ma jmut qatt. Il-ktieb mhu se jmut qatt. Issa jien personali t-teknoloġija nħobbha ħafna. Mingħajr mobile ma noqgħodx imma l-braille jibqa’ xi ħaġa li tużah għal dejjem. Hija xi ħaġa li lilna persuni neqsin mid-dawl tatina ċertu identità.”

Stafrace spjega li l-braille huwa magħmul minn sett ta’ tikek u huwa metodu ta’ kif persuna għamja u persuni neqsin mid-dawl jistgħu jiktbu jew jaqraw. Żied jgħid: “Il-ktieb bil-braille huwa ħafna ħabib għalija personali għax itik ħafna opportunitajiet.”

Dwar dan, huwa semma kif fost l-oħrajn dan huwa ħabib għax jista jgħaqqdek mal-mużika. Dan fis-sens li jekk persuna tkun qed tistudja l-pjanu jew xi strument, tkun trid l-ewwel tistudjaha bil-braille mbagħad iddoqqha. 

Żied jgħid li għalih il-braille huwa ta’ għajnuna kbira bħal pereżempju meta jkun ġewwa lift. Dwar dan huwa qal: “Immaġina nkun f’post ta’ ħames jew seba’ sulari. Il-braille jgħini biex nieqaf fejn irrid immur jien mhux noqgħod insaqsi lil xi ħadd. Nista’ nsemmi l-mediċina wkoll. Mhux se noqgħod immur fuq il-mara jew il-partner u noqgħod nistaqsi l-oġġett xi jkun. B’hekk il-persuna nieqsa mid-dawl tkun tista’ tagħżel il-mediċina li jkollha bżonn. Anke jekk ridt insajjar nista’ nagħmel tabella bil-braille fuq il-prodotti li nuża kuljum bħal ħwawar.”

Minkejja li semma li mhux kulħadd iħoss li jixtieq jitgħallmu l-braille, il-parir tiegħu huwa li tal-inqas persuna tkun taf dak li huwa bażiku.

Share With: