“Persuni b’diżabilità m’għandhomx jiddependu fuq il-karità”

Samantha Pace Gasan: “Niżbaljaw jekk nikkategorizzaw lil persuni b’diżabilità fi grupp wieħed”

Minn Maria Azzopardi

Minn attivista żagħżugħa għal Kummissarju tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Bil-ħatra ta’ Samantha Pace Gasan, li għandha 27 sena, il-Gvern Malti qed jibgħat messaġġ b’saħħtu li Malta tħares lejn l-ispettru wiesa tal-kelma diżabilità u id f’id mat-tema ta’ din is-sena tal-Ġnus Magħquda li mhux kull diżabbiltà hi viżibbli.

F’intervista ma’ Inewsmalta hija tkellmet dwar diversi argumenti fosthom dwar l-ewwel prijoritajiet tagħha, dwar l-aspett ta’ aċċessibiltà, dwar jekk taħsibx li l-Istat għandu jikkontribwixxi aktar lill-għaqdiet li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità, fost argumenti oħra. 

Innutat kif hemm ċertu affarijiet li għandhom ikunu bi dritt, u hemmhekk importanti li jintervjeni l-istat biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa. Żiedet tgħid iżda li l-irwol tal-għaqdiet mhux governattivi huwa importantissimu wkoll. B’dan il-mod hija qalet li temmen fl-importanza tal-bilanċ. “Il-karità għandha postha wkoll, però persuni b’diżabilità m’għandhomx jiddependu fuq il-karità,” sostniet Pace Gasan.

Bħala Kummissarju għall-Persuni b’diżabilita, x’se jkunu fost l-ewwel prijoritajiet tiegħek li fuqhom se tkun qed tiffoka?

Se nkun qed nenfasizza fuq il-mainstreaming tal-inklużjoni u l-aċċessibilità f’diversi setturi. Għaldaqstant nixtieq li naħdem ma’ diversi stakeholders mis-setturi differenti, inkluż il-Gvern, is-settur pubbliku u privat, l-akkademja, l-għaqdiet mhux governattivi, il-familji u l-individwi. 

Irridu nifhmu li l-ħajja tal-persuni b’diżabilità tmur lil hinn mid-diżabilità nfisha. Fil-fatt se naħdem biex titqajjem iktar kuxjenza dwar id-diversità fil-persuni b’diżabilità u l-kunċett ta’ intersectionality – il-fatt li persuni b’diżabilità għandhom diversi aspetti fl-identità tagħhom, u jistgħu jkunu jagħmlu parti minn minoritajiet oħra. U permezz ta’ din l-approċċ nistgħu wkoll insaħħu l-kreattività u l-innovazzjoni fis-settur tad-diżabilità. 

Però waħda mill-ikbar prijoritajiet se tkun l-għaqda fis-settur tad-diżabilità stess, sabiex flimkien niġbdu ħabel wieħed fl-interess tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

Fost l-aktar temi li tolqot persuni b’diżabilità hija dik rigward l-aċċessibiltà fit-toroq u l-postijiet. Temmen li tassew għadha preżenti l-problema ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà u x’temmen li għandu jsir f’dan ir-rigward? 

L-aċċessibilità jibqa’ l-iktar settur li dwaru tirċievi lmenti l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tagħmel ħafna xogħol f’dan ir-rigward, kemm meta tinvestiga l-ilmenti li tirċievi kif ukoll meta tagħti pariri lill-pubbliku dwar aċċess fil-bini. B’mod proattiv, il-Kummissjoni għamlet ukoll żewġ audits biex tixtarr l-aċċessibilità tan-negozji f’żoni ewlenin fil-Belt u l-Gżira/Sliema. 

Il-Kummissjoni issa waslet ukoll biex toħroġ dokument li jissejjaħ Streets for All li jipprovdi linji gwida kif l-ispazji pubbliċi tagħna jistgħu ikunu aċċessibbli mhux biss għal min għandu diżabilità fiżika iżda wkoll għal persuni li għandhom diżabilità li għandha x’taqsam ma’ vista, smigħ, jew nuqqas intellettwali jew sensorjali ieħor. Dan se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.

Nemmen li dan huwa proċess li ma jsirx m’illum għal għada imma beħsiebni nkompli nibni fuq ix-xogħol li diġà sar. L-aċċessibilità huwa dritt bażiku u nemmen li sakemm imqar persuna waħda b’diżabilità jkollha problema t’aċċessibilità, iva tkun għadha teżisti. 

Għaliex taħseb li persuni b’diżabilità jsibuha diffiċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol? Kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi?

Fis-settur tax-xogħol min iħaddem ħafna mid-drabi jipprijorattizza l-produzzjoni u d-dħul, però ninsew kemm hemm valur fid-diversità fuq il-post tax-xogħol, li anke tista’ twassal għal aktar innovazzjoni. Il-Kummissjoni stess hija xempju ta’ kif post li jħaddem persuni b’diżabilità jista’ mhux biss jagħmel ix-xogħol li hemm bżonn imma jagħmel dan b’mod inklussiv u f’ambjent li jilqa’ lil kulħadd. 

Matul iż-żminijiet ġie nnutat ukoll li ħafna employers m’għandhomx biżżejjed għarfien dwar kif jistgħu jaqdu dmirijiethom li joffru akkomodazzjoni raġjonevoli għall-ħaddiema tagħhom. Kienu bosta drabi li l-Kummissjoni ntalbet tintervjeni u sabet li l-employer iktar jibża’ jieħu azzjoni għax ma jafx, milli m’għandux interess jgħin. Dan kien wieħed mir-raġunijiet għalfejn inħoloq il-Malta Business Disabilty Forum, biex id-dinja tan-negozju u l-qasam tad-diżabilità jifhmu aktar lil xulxin.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tkun qed torganizza ukoll żewġ webinars dwar ix-xogħol u l-persuni b’diżabilità, wieħed f’Għawdex u l-ieħor f’Malta, biex b’hekk ikollna stampa aktar ċara tal-isfidi f’dan is-settur kif ukoll kif il-pandemija affettwat l-impjieg tal-persuni b’diżabilità. Dan huwa frott ta’ riċerka li saret ma’ numru ta’ persuni b’diżabilità u anke ma’ min iħaddem. Minn din ir-riċerka ħarġu ukoll employers’ guidelines li huma linji gwida għal min iħaddem il-persuni b’diżabilità. Aħna se naraw li dan il-linji gwida jaslu għand min iħaddem sabiex inkomplu nżidu l-għarfien dwar dan is-settur importanti. 

Rigward l-edukazzjoni, temmen li persuni b’diżabilità għandhom jitgħallmu flimkien ma’ tfal oħra fil-klassi jew ikollhom klassi għalihom biss? Għaliex?

L-edukazzjoni hija l-qofol ta’ ħafna affarijiet u dan igħodd ukoll għal persuni b’diżabilità. Fil-klassi nitgħallmu mhux biss ix-xogħol tal-iskola iżda kif inġibu ruħna f’ambjent soċjali, kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna barra mid-dar u kif nagħmlu ħbiberiji. 

Inkunu qed niżbaljaw jekk nikkategorizzaw lil persuni b’diżabilità fi grupp wieħed. Ilkoll nagħrfu li tfal li mhux meqjusin b’diżabilità għandhom kapaċitajiet u bżonnijiet differenti. Bl-istess mod il-persuni b’diżabilità. U allura hemm min jibbenefika aktar minn edukazzjoni fil-mainstream u oħrajn li jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom aħjar minn skejjel speċjalizzati. Iżda din m’hijiex kwistjoni ta’ abjad jew iswed, għax hawn ħafna studenti li jistgħu jibbenefikaw minn programm edukattiv fejn ikunu kemm fi klassi mainstream iżda jkollhom xi sessjonijiet fil-ġimgħa fiċ-ċentri ta’ riżorsi. Bħal dejjem, hija kwistjoni li wieħed isib bilanċ imfassal fuq il-bżonnijiet individwali. Għad fadal ħafna x’isir biex l-iskejjel Maltin u Għawdxin ikunu verament inklussivi fil-prattika u mhux biss fuq il-karta. 

Taħseb li l-Istat għandu jikkontribwixxi aktar lill-għaqdiet li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità? Dan biex ma joqgħodux jiddependu fuq ġbir ta’ fondi eċċ.

Hemm ċertu affarijiet li għandhom ikunu bi dritt, u hemmhekk importanti li jintervjeni l-istat biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa. Iżda l-irwol tal-għaqdiet mhux governattivi huwa importantissimu wkoll. Għalhekk nemmen fl-importanza tal-bilanċ. Il-karità għandha postha wkoll, però persuni b’diżabilità m’għandhomx jiddependu fuq il-karità. 

Hemm bżonn tisħiħ ukoll tas-servizzi tal-persuni b’diżabilità li jgħinuhom biex jgħixu ħajja aktar indipendenti fil-komunità. Jekk dawn jissaħħu, aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità u tonqos il-ħtieġa għal ‘karità’.

X’nuqqasijiet tara li għadhom preżenti fil-mentalità? Temmen li l-istigma rigward persuni b’diżabilità għadha teżisti? X’tikkumenta dwar dan u kif din għandha tiġi indirizzata?

Waħda mill-iktar affarijiet li ddejjaqni hija l-kelma ‘miskin’ jew ‘jaħasra’. Nismagħha kemm-il darba, speċjalment fil-kontront t’oħti li għandha diżabilità intelletwali. Lil persuni b’diżabilità intellettwali nibqgħu nħarsu lejhom bħala tfal, anke jekk ikunu żgħażagħ jew adulti. Fil-verità dawn ikollhom xewqat, ħolm u realtajiet bħal żgħażagħ u adulti oħra, u għalhekk irridu nibqgħu naħdmu biex nassiguraw li dawn l-individwi jkollhom id-dinjità tagħhom. 

Mill-banda l-oħra persuni b’diżabilità li ma tidhirx – bħal tiegħi – ġieli ma jingħatawx l-appoġġ jew l-akkomodazzjoni xierqa li jeħtieġu. Nixtieq li naslu f’punt fejn ikun hemm aktar rispett u empatija għal kull persuna, hi min hi u għandha x’għandha, b’diżabilità jew le, u bid-differenzi kollha li kull persuna ġġib magħha.

Share With: