Preżentatriċi twissi biex ma neħdux il-Covid b’mod leġġer

Il-preżentatriċi magħrufa Matilde Balzan wissiet illi m’għandniex nieħdu l-virus tal-Covid-19 b’mod leġġer. Hija qalet dan f’kitba fuq il-profil tagħha ta’ Facebook hekk kif bħalissa tinsab rikoverata fl-Isptar Mater Dei wara li rriżultat pożittiva għall-virus. 

“Li tkun marid bil-Covid-19 mhix ċajta. Inħossni sejra għall-aħjar imma naf li se nieħu ġimgħat, jekk mhux xhur, sakemm nikrupra,” qalet Balzan.

“Ninsab f’idejn tajba u nixtieq nirringrazzja l-ewwel u qabel kollox lil Dr Michael Spiteri li mill-ewwel ġurnata qatt ma ħallieni waħdi u li ħeġġiġni mmur l-Isptar, il-konsultent tiegħi Peter Fsadni, it-tobba u l-infermiera kollha tas-sala M3 għall-attenzjoni u l-kura kostanti tagħhom.

“Fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lill-familja tiegħi speċjalment lir-raġel Peter Cordina, iż-żewġt ibniet tiegħi Marika Fleri u Christine Balzan u l-familji tagħhom u n-neputija Hel Len Camilleri. Fuq kollox irrid nuri gratitudni lill-Mulej li qed jakkumpanjani fit-triq ta’ rkupru,” qalet Balzan waqt li appellat biex nibqgħu nkunu attenti f’dawn iż-żminijiet. 

Share With: