Qattiel jeħel sitt snin ħabs talli fera priġunier f’għajnu

Raġel li qed jiskonta piena ta’ għomru l-ħabs wara li b’mod brutali qatel lill-eks-sieħba tiegħu ġie ikkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li fera priġunier f’għajnu b’xafra.

David Norbert Schembri, li għandu 46 sena, kien diġà ġie ikkundannat il-ħabs b’rabta ma’ dan il-każ imma s-sentenza ta’ seba’ snin priġunerija kienet annullata għax il-maġistrat li semgħet il-kawża ikkwotat artiklu tal-liġi b’mod żbaljat.

L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin meta waqt li Noel Borg kien qed jistenna li jieħu l-methadone Schembri tah daqqa b’xafra f’għajnu. Dan seħħ xi ftit tal-jiem wara li t-tnejn li huma kienu ġew fl-idejn wara argument bejniethom.

Schembri kien appella mis-sentenza bl-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iddeċidiet li tannulla s-sentenza u tornda li l-kawża tinstema mill-ġdid wara l-maġistrat li semgħet il-kawża ikkwotat artiklu tal-liġu li ma kellux jissemma.

Il-kawża reġgħet instemgħet quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li wara li semgħet l-istess provi sabet lil Schembri ħati li ikkaġuna lil Borg ġrieħi gravi u ikkundannatu sitt snin ħabs kif ukoll wissietu li jekk idejjaq lill-vittma kien se jeħel €2,300.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Schembri ikkommetta reat fil-Ħabs hekk kif fl-2015 kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li fl-2012 ta n-nar liċ-ċella li kien fiha.

Schembri qed jiskonta piena ta’ għomru l-ħabs wara li fl-2004 qatet lill-eks-sieħba tiegħu Josette Scicluna b’49 daqqa ta’ sikkina quddiem binthom li kien għad kellha seba’ snin.

Share With: