Raġel bi problemi fil-vista mixli li spara tir f’post pubbliku

Carmel Calleja ta’ 55 sena, li huwa nieqes severament mid-dawl, baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li spara tir f’Bormla wara argument li jidher li beda fuq kwistjoni ta’ kirja.

Kien l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tad-9.00 p.m. x’ħin instemgħet sparatura fi Triq id-Dejqa, Bormla, li seħħet wara argument bejn żewġ Maltin u żewġt aħwa barranin. Meta l-pulizija marru fuq il-post, iż-żewġ barranin allegaw li Calleja kien spara tir fid-direzzjoni tagħhom u li ibnu kien ukoll involut fl-argument. 

Fir-residenza tal-imputat instab is-senter li x’aktarx intuża fl-isparatura waqt li mit-triq ġew elevati xi balal u anke skartoċċ. Irriżulta li fil-każ ġie sparat tir wieħed u ħadd ma weġġa’. Minn tfittxija li saret fir-residenza li jgħixu fiha l-aħwa, il-pulizija sabet sustanza suspettata droga kannabis. 

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, Carmel Calleja ġie mixli li spara f’post abitat u pubbliku, li ħebb għal Anwar Elnily u Hossam Amgad Anwar Aly Elnily, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u storbju u li sar reċediv.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-prosekuzzjoni topponi minħabba l-gravità tal-każ. 

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li l-imputat ġie aggredit f’daru u li l-bieb tar-residenza tiegħu wkoll sofra xi ħsarat. Qalet ukoll li l-argument seħħ wara li ż-żewġ barranin ma kinux ħallsuh il-kirja ta’ post.

F’dan l-istadju, il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja minħabba li għad baqa’ diversi xhieda pajżana li jridu jixhdu. Intant, fil-Qorti ħareġ ukoll li ż-żewġt aħwa mistennija jitressqu b’ċitazzjoni. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Zammit mentri l-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit deher għal Calleja.

Share With: