Raġel jhedded lill-eks-sieħba li “jgħarraqha f’demmha”

Maġistrat semgħet kif raġel hedded li jgħarraq f’demmha lill-eks-sieħba tiegħu.

Terrence Scerri ta’ 36 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li mhuxi biss hedded lill-eks-sieħba imma anke li beżżaha.

Huwa nstab ħati wkoll li kiser diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta u ordni tal-Qorti tal-Maġistrati.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irriżulta li Scerri ċemplilha u minharra kliem baxx qalilha “minn taħt idi tgħaddi” u “prepara għax f’demmek ngħerrqek”.

Peress li beda jiffittaha hija bagħtitlu ritratt antik ma’ xi ħbieb biex tgħidlu li qiegħda barra ħa  teħles minnu u huwa bagħtilha wieħed fis-sodda ma’ mara.

L-għada kompla jċemplilha u wara li wissiha li ġej id-dar tagħha hekk għamel tant li kellha iċċempel lill-Pulizija b’uffiċjal jixhed kif sabha mbeżża’.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li Scerri għandu l-vizzju tad-droga tant li ‘social worker’ li qed issegwih mill-Ħabs xehdet li huwa ma weriex motivazzjoni serja biex jibda programm għar-rijabilitazzjoni mill-vizzju.

B’dawn il-provi l-Maġistrat Stafrace Zammit sabitu ħati tal-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Michael Vella.

Share With: