Reuse Centres ġodda se jkunu qed jagħtu ħajja ġdida lill-oġġetti destinati għar-rimi

WasteServ se tkun qed tiftaħ erba’ Reuse Centres biex ittejjeb l-esperjenza fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff u biex tkompli tespandi l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari.

Dawn iċ-ċentri, li se jinfetħu sal-aħħar tas-sena, se jkunu qed joffru oġġetti użati bħal ċeramika, ġugarelli, kotba u biċċiet tal-għamara li għad għandhom valur u jistgħu jerġgħu jintużaw.

Hekk ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff ta’ Ħal Far fejn ser ikun qiegħed isir wieħed min dawn il-proġetti. 

Il-Ministru Farrugia spjega kif in-nies se jkunu jistgħu jiksbu dawn l-oġġetti b’donazzjoni li se tkun stabbilita minn qabel u li se tkun qed tmur ġo fond imwaqqaf biex jintuża għall-inizjattivi favur l-ambjent, inkluż programm għall-konservazzjoni tan-naħal.

WasteServ għadha kemm nediet sejħa għall-offerti (https://www.wsm.com.mt/en/tenders) sabiex kontenituri tal-merkanzija jiġu mibdula u trasformati fi spazji innovattivi u ta’ livell għoli b’disinn kreattiv biex iservu bħala Reuse Centres. Dawn se jitpoġġew fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, Ħal Far, l-Imrieħel u Tal-Kus (Għawdex).

Il-Ministru Farrugia qal li dawn iċ-ċentri se jipprovdu opportunità eċċellenti u jagħtu ħajja mill-ġdid lill-oġġetti li għad għandhom valur u li kieku kienu jispiċċaw bħala skart. Dan jikkumplimenta wkoll il-pjan tal-gvern għall-immaniġġjar tal-iskart 2021-2030 billi jrawwem kultura ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi u konsum sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca qal li permezz ta’ dawn iċ-ċentri, il-WasteServ se tipprevjeni l-iskart billi tippromwovi l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti. Dan iservi wkoll biex iqajjem kuxjenza billi jħeġġeġ lin-nies jaġixxu favur l-ambjent.

Share With: