Rikonoxxut is-suċċess tat-tim nazzjonali tal-futbol tan-nisa

Membri tat-tim nazzjonali tal-futbol tan-nisa u diriġenti tagħhom għamlu żjara ta’ korteżija lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u lis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima li matulha ġew rikonoxxuti għall-progress qawwi reġistrat tul l-aħħar snin, partikolarment is-suċċess miksub matul is-sena li għaddiet. Is-sena li għaddiet, it-tim nazzjonali tan-nisa avvanza 16-il post fil-klassifika internazzjonali u llum jinsab fil-85 post minn 142 pajjiż wara li spiċċa fir-raba’ post tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-kompetizzjoni Euro 22.

Il-Ministru Farrugia Portelli faħħret id-determinazzjoni tat-tfajliet Maltin f’dan l-isport u sostniet li, “Dawn ir-riżultati juru li qegħdin inwaqqgħu l-barrieri u nkunu inklussivi anke fejn jidħol l-isport. Il-futbol huwa aktar assoċjat ma’ parteċipazzjoni maskili imma l-prestazzjonijiet tat-tim nazzjonali tan-nisa juru li fejn jirrigwarda inklussività, anke f’dan il-qasam ninsabu fit-triq it-tajba bi players Maltin iservu ta’ role models għal tfajliet oħrajn”.

Eżattament bħal għada sena, fil-5 ta’ Jannar 2020, it-tim nazzjonali tal-futbol tan-nisa kellu logħba ta’ ħbiberija ma’ tim Olandiż tan-nisa, SCT Gooi, li kienu Malta għal training camp u għelbuhom bl-iskor ta’ 5–0. Tliet rebħiet u draw reġistrati fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet wasslu biex spiċċajna fir-raba’ post tal-grupp li għandu jingħad li kien jinkludi timijiet ta’ fama mondjali kbira bħalma huma d-Danimarka u l-Italja. Riżultati bħal dawn juru li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, ladarba jkun hemm ir-rieda, id-determinazzjoni u s-serjetà fit-tmexxija allura s-suċċess jasal anke jekk ma jkunx ta’ livell daqstant għoli bħal ta’ pajjiżi kbar. Il-players tagħna wrew li kapaċi jikkompetu mhux biss ma’ timijiet ta’ livell tagħna imma anke ta’ livell ogħla. Prova oħra tad-determinazzjoni tal-players nisa tagħna huwa l-fatt li għandna diversi minnhom li bħalissa qegħdin jilagħbu barra mill-pajjiż ma’ timijiet f’diversi pajjiżi Ewropej.

Il-Ministru Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima awguraw aktar suċċess lit-tim nazzjonali Malti tal-futbol tan-nisa u lid-diriġenti tiegħu u ppreżentaw tifkira ta’ rikonoxximent.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima awgura lit-tim nazzjonali tan-nisa tas-suċċess li kisbu u saħaq li din il-kisba titfa’ piż fuq spallejhom biex fil-kampjonati li jmiss jitilgħu tarġa. “Għandkom il-kapaċitajiet u fuq kollox intom mudell sabiex in-numri li jippratikaw il-futbol tan-nisa jkomplu jiżdiedu. Grazzi lill-MFA li emmnet fl-isport femminil,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Peress li għadd ta’ players bħalissa jinsabu barra minn Malta mat-timijiet rispettivi tagħhom huma kienu rappreżentati minn players oħra tat-tim u fl-iskwadra, Maya Lucia, Nicole Sciberras, Veronique Mifsud, Charlene Zammit, Patricia Ebejer, Emma Xuereb flimkien mad-diriġenti Frank Schembri, Roger Camilleri, Amanda Dimech u Gianluca Lia.

Share With: