RITRATTI: Inawgurat l-underpass ta’ Santa Luċija b’investiment ta’ €20 miljun

Ritratti: ALAN SALIBA

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura l-proġett tar-roundabout underpass f’Santa Luċija b’investiment ta’ €20 miljun li kien tant mistenni minn bosta nies li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Abela semma li dan l-investiment se jsarraf f’kambjament qawwi bil-ħin tal-ivvjaġġar mistenni jonqos b’aktar minn 30%. Dan ifisser li se jinġema’ inqas traffiku, inqas dewmien u inqas emissjonijiet fl-arja kawża tal-konġestjoni.

Huwa fatt li sa ftit qabel is-sajf tal-2019 il-vetturi kienu jeħlu mar-roundabout hekk kif din kienet tgħaqqad diversi rotot prinċipali filwaqt li kienet tipprovdi għal waħda mill-entraturi prinċipali għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Illum, b’dan l-investiment infrastrutturali, il-karozzi li jkunu ġejjin mill-Marsa Junction u li sejrin lejn Tal-Barrani se jkunu effettivament eliminati.

Il-Prim Ministru qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett hija tragward importanti fil-proġett sħiħ tal-Marsa Junction. Iżda fuq kollox, dan huwa tragward importanti għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta u għan-nies kollha li joqogħdu fil-madwar.

Dr Abela semma wkoll li permezz ta’ dan il-proġett ma ħadniex ħsieb biss is-sewwieqa u r-residenti. “Fil-fatt dan il-proġett jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet għal mezzi alternattivi, il-kostruzzjoni tal-jogging track fil-viċin u l-underpass pedonali li nbena mill-ġdid u li se jkun aċċessibbli kemm għar-roti kif ukoll għal persuni b’diżabilità”, qal il-Prim Ministru.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-ħolma infrastrutturali tagħna hija li jkollna netwerk tat-toroq ippjanat bħala katina ta’ rotot u mhux toroq u junctions iżolati minn xulxin.

“Dik il-ħolma dawwarnieha fi pjan u llum qed issir realtà. B’dan il-proġett se nerġgħu nagħtu prova oħra ċara oħra ta’ gvern b’viżjoni ħolistika li jwassal proġetti ta’ kwalità. Tajjeb insemmu wkoll li b’dan l-investiment se nkomplu ntaffu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom in-nies li jgħixu jew jaħdmu fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Investejna f’dawn in-nies għax nemmnu bi sħiħ li din il-parti ta’ pajjiżna kien jistħoqqilha attenzjoni mhux biss urġenti iżda għaqlija. Ninsabu kommessi li nżommu l-impenn tagħna u li nibqgħu naħdmu għall-poplu billi nwasslu infrastruttura tal-ogħla kwalità li hi sostenibbli għall-mezzi tat-trasport kollha, li hi favur aktar effiċjenza u li toffri kwalità tal-arja aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri”, qal il-Ministru Borg.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-progett se jsaħħaħ il-konnettività bejn in-naħa ta’ isfel u ċ-ċentru ta’ Malta. Spjega li dan sar b’tali mod li ħaseb għal mezzi alternattivi ta’ trasport biex tiġi indirizzata l-mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet.

Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li permezz ta’ fondi Ewropej qed ngħinu fil-ħidma biex flimkien inbiddlu l-wiċċ infrastrutturali ta’ Malta, niffaċilitaw aktar l-aċċessibbiltà tal-Maltin, innaqqsu t-traffiku u b’konsegwenza ta’ dawn innaqqsu t-tniġġis.

Dan l-underpass hu twil 90 metru filwaqt li nbnew approach lanes ta’ 130 metru ’l waħda u 4 slip roads li jwasslu għar-roundabout li issa għandha disinn aktar sigur. Il-proġett jinkludi wkoll xogħol fuq servizzi ta’ dawl, ilma, telekomunikazzjoni, internet u sistemi ta’ traffic management kif ukoll ġibjuni ġodda u pajpijiet għall-ilma tax-xita biex jintuża għall-partijiet imħaddra tal-madwar.

Il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Share With: