Roma b’diskussjonijiet interni wara li għamlu sitt sostituzzjonijiet fit-telfa kontra Spezia fil-Coppa Italia

Roma stqarrew li se jkunu qed jagħmlu ‘diskussjonijiet interni’ wara li għamlu wisq sostituzzjonijiet fit-telfa mir-round tal-aħħar 16 tal-Coppa Italia kontra Spezia. It-team ta’ Paulo Fonseca kien jinsab fi draw ta’ 2-2 fil-ħin barrani meta seħħ l-inċident, li rahom jagħmlu s-sitt bidla meta ħamsa biss kienu permessi skont ir-regoli tal-kompetizzjoni. Għalkemm Roma tilfu l-partita bl-iskor ta’ 4-2, huma xorta waħda kienu jitilfu din il-partita fuq il-mejda minħabba dan l-iżball straordinarju.

Il-Coppa Italia tippermetti lit-timijiet jagħmlu ħames sostituti. Għalkemm ir-regoli tal-FIFA jiddikjaraw li team huwa permess li jressaq is-sitt bidla jekk logħba tmur għall-ħin barrani, hija speċifika għall-kompetizzjoni u mhix parti mir-regoli tal-Coppa Italia li tillimita l-ammont ta’ sostituzzjonijiet għal massimu ta’ ħamsa. Timijiet fl-Italja jitħallew jagħmlu ħames sostituzzjoniiet fi tliet waqfiet matul id-90 minuta. Jekk logħba tmur għall-ħin barrani u jkunu għadhom m’għamlux l-allokazzjoni sħiħa tagħhom tal-bidliet, ikunu permessi waqfa żejda iżda mhux bidla addizzjonali.

Dan il-każ għal Roma seħħ ftit wara li kellhom żewġ players imkeċċija għal inċidenti separati, inkluża t-tieni karta safra għal Gianluca Mancini minuta fil-ħin barrani, segwita minn karta ħamra diretta għall-goalkeeper Pau Lopez minuta wara, meta l-foul tiegħu ċaħħad opportunità ċara ta’ goal. Wara li kien diġà għamel erba ‘sostituzzjonijiet, Fonseca utilizza lil Daniel Fuzato u Roger Ibanez ħames minuti fil-ħin barrani. Ta’ nota huwa l-fatt li mhux strettament ir-rwol tar-referee jew tal-assistenti tiegħu li jinfurmaw lil team li jkun għamel wisq bidliet. Fonseca imbarazzat ammetta wara t-telfa li se jkun qed janalizza x’kien ġara eżatt.

Il-partita ta’ Roma bdiet ħażin mill-ewwel meta wara kwarta logħob kienu diġá 2-0 minn, qabel penalty ta’ Lorenzo Pellegrini żewġ minuti qabel il-mistrieħ u goal ta’ Henrikh Mkhitaryan fit-73 minuta sfurzaw il-logħba biex tmur għall-ħin barrani.

Wara li Roma spiċċaw jilagħbu b’disa’ players u għamlu s-sitt bidliet tagħhom, Spezia skorjaw darbtejn fit-tieni nofs tat-30 minuta addizzjonali biex kisbu post fil-kwarti tal-finali fejn se jkunu qed jaffrontaw lil Napoli. Minkejja n-natura tat-telfa, Fonseca emmen li t-team tiegħu għamel biżżejjed biex jirbaħ il-logħba fid-90 minuta.

Fi kliemu stess: “Kellna bidu diffiċli tal-logħba bil-penalty, li kien wieħed ferm dubjuż. Wara dan, ħloqna ħafna opportunitajiet, tlifna ħafna opportunitajiet ta’ skor, u mbagħad b’żewġ plejers inqas, kien diffiċli biex nirbħu l-logħba!”

Share With: