Rumen isofri ġrieħi gravi wara li qala’ daqqiet ta’ martell f’argument f’San Ġiljan

Raġel ta’ nazzjonalità Rumena sofra ġrieħi ta’ natura gravi wara li kien involut f’argument f’San Ġiljan. Il-Pulizija kienu mgħarrfa bl-argument għall-ħabta tat-3.15 p.m. wara li daħlu żewġt irġiel – Rumen ta’ 35 sena u Kolombjan ta’ 45 sena – l-Għassa ta’ San Ġiljan u allegaw li kienu għadhom kemm ġew aggrediti minn raġel ieħor. Ftit wara fl-Għassa daħal raġel ieħor, ta’ 35 sena, u allega li kellu argument ma’ żewġ persuni.

Minħabba li r-Rumen kellu xi dmija, il-Pulizija talbet l-assistenza medika u huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li kien qam argument fi Triq San Ġorġ u allegatament ir-Rumen qala’ daqqiet ta’ martell.

Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: