Save A Life Foundation u life Line Malta jingħaqdu biex jgħinu nisa u tfajliet fi tqala ta’ kriżi

Save A Life Foundation u Life Network Malta Foundation iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni biex joffru appoġġ lil Life Line Malta fil-missjoni tagħha li sservi bħala ċentru ta’ sapport billi toffri sostenn b’mod prattiku u b’kompassjoni lil tfajliet, nisa, u familji li jkunu qed jiffaċċjaw tqala ta’ kriżi, dijanjosi prenatali negattiva, jew isofru minn trawma ta’ wara l-abort. 

Din il-kollaborazzjoni se tgħin lil Life Line Malta ttejjeb il-preżenza diġitali u fuq il-mezzi soċjali tagħha għal livelli għoljin biex tkun tista’ tilħaq udjenza aktar wiesa’ u twassal il-messaġġ tagħha lil tfajliet, nisa, u familji li jeħtieġu attenzjoni u appoġġ. 

Minnbarra dan, SALF se tipprovdi appoġġ materjali għal każi individwali u se tniedi wkoll serje ta’ sessjonijiet informattivi flimkien ma’ organizzazzjonijiet fil-komunità, maħsuba li jilħqu aktar minn 1,500 familja fil-lokalitajiet fejn topera il-fondazzjoni.

Id-deputat Claudio Grech, li waqqaf il-fondazzjoni flimkien mal-mara tiegħu Charmaine, qal li dan il-proġett iġib flimkien l-isforzi ta’ żewġ għaqdiet volontarji li huma ggwidati mill-valur lejn il-ħajja, mhux minn lenti dommatika iżda minn sens ta’ apprezzament aktar wiesa’. 

“Permezz ta’ din l-inizzjattiva rridu nilħqu lil dawk li jsibu l-bibien magħluqa u jiġu skartati mis-soċjetà. Bħala fondazzjoni, aħna favur il-ħajja b’mod sħiħ. Għalhekk, jeħtieġ li niġġieldu kull forma ta’ preġudizzju u aħna impenjati li nagħmlu dan b’ħidma li toffri kompassjoni, empatija, u appoġġ,” spjega Claudio Grech.

Iċ-chairperson ta’ Life Network Malta Foundation, Dr Miriam Sciberras, sostniet l-importanza li l-proġett ta’ Life Line Malta jsib l-appoġġ: “Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-investiment fl-għajnuna tal-mara isalva l-ħajjiet.” 

“Il-Fondazzjoni Save A Life temmen li ma nistgħux biss nitkellmu dwar dawn ir-realtajiet iżda rridu naġixxu dwarhom. Jekk kulħadd jagħmel biċċa żgħira, nistgħu nirnexxu ħafna,” kompla d-deputat. “Charmaine u jiena rridu nesprimu l-ammirazzjoni sinċiera tagħna għax-xogħol siewi mit-tim ta’ Life Line Malta u għad-dedikazzjoni inkredibbli li juru.”

Is-sur Grech jinvesti l-onorarja parlamentari kollha tiegħu fil-proġetti tal-fondazzjoni Save A Life, b’total ta’ aktar minn €160,000 minn mindu kien elett l-ewwel darba fl-2013. Il-fondi marru għal 11-il inizzjattiva li jħeġġu lil tfal u żgħażagħ jagħtu kontribut fil-komunitajiet tagħhom.

Christie Zammit, uffiċjal amministrattiv fi ħdan Life Network Malta Foundation, spjegat il-metodu li l-fondazzjoni tuża biex issaħħaħ lin-nisa: “Aħna nfittxu li nqanqlu tama fil-klijenti tagħna biex jagħrfu li l-futur tagħhom ma jispiċċax mat-tqala, imma biss jinbidel; u ħafna drabi għall-aħjar.”

L-ewwel inizjattivi f’din il-kollaborazzjoni se jibdew fi Frar u se jkomplu għaddejjin fuq numru ta’ snin, bl-intenzjoni li jevolvu f’qafas ta’ sostenn permanenti għal Life Line Malta u għal proġetti relatati.

Share With: