“Se tibqa’ mfakkra bħala tfajla mimlija kuraġġ, reżiljenza u stamina”

Tingħata l-aħħar tislima lil Rebecca Zammit Lupi

Ftit tal-jiem ilu t-tfajla ta’ 15-il sena Rebecca Zammit Lupi, magħrufa ma’ ħafna bħala ‘Becs’,  ħalliet din id-dinja wara battalja kiefra kontra tip ta’ kanċer rari ħafna magħruf bħala Ewing’s Sarcoma li huwa tip ta’ kanċer aggressiv li jolqot l-għadam. 

Waqt il-quddiesa tal-aħħar tislima dalgħodu, Dun Brandon Gatt ġie mistieden jgħid ftit kliem mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna li kkonċelebra l-funeral ta’ Becs. 

Huwa saħaq li f’mumenti bħal dawn huwa faċli li nsibu ruħna bla kliem. Spjega kif tul ħajjitha, Becs kellha fotografu b’talent kbir magħha, missierha Darrin. Filwaqt li rrefera għal ritratt li kien juri lil Becs f’nofs il-kurutur tal-isptar, qal: “Minn l-eluf ta’ ritratti dokumentati minn missierha, dan ir-ritratt huwa proprju r-raġuni għaliex qegħdin hawn illum. Din it-tfajla tant grazzjuża milquta minn marda kiefra f’nofs kurutur li minkejja li hu mimli b’karattri kkuluriti mal-ħitan qatt mhu se jkun post ta’ ferħ u li tista’ tieħu gost fi ħdanu.”

Żied jgħid li minkejja li dan ir-ritratt seta’ kien wieħed li juri stat dipressanti, qtugħ ta’ qalb, telf u emozzjonijiet oħra li jġib miegħu l-kanċer, dan ġie trasformat. “Permezz ta’ dan il-mument maqbud mill-għażiż missierha, inbidel f’ritratt ta’ tama” qal Dun Gatt. 

“Għal Becs il-poġġaman tal-Isptar sar bar taż-żfin li permezz tiegħu setgħet tipprattika dak li kien tant għal qalbha, il-ballet. B’dan l-entużjażmu hija turina li minkejja t-tbatija li kienet għaddejja minnha, ġo qalbha, iż-żfin jibqa’ jirrenja,” temm jgħid Dun Brandon Gatt. 

L-Arċisqof tkellem dwar l-isem tant sabiħ tagħha u qal li, “waħda mid-definizzjonijiet ta’ Rebecca hija ’sbuħija li tisraqlek qalbek’, u dan huwa dak li ħafna nies esperjenzaw tul ħajjitha. Il-fatt li Rebecca kienet tfajla bi sbuħija interna tagħti unur għal isimha. Kellha imħabba kbira lejn il-ħajja u l-imħabba nnifisha. Għaddiet minn perjodu iebes ta’ uġigħ, frustrazzjoni u se tibqa’ mfakkra bħala tfajla mimlija kuraġġ, reżiljenza, bi stamina, u żgur mhux forsi għat-tbissima tant sabiħa li kellha.” 

Share With: