Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fondi Ewropej għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali Malti fix-Xlokk ta’ Malta

Qed tiġi mnedija l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet finanzjati b’fondi Ewropej għall-miżuri 1 u 2 taħt il-programm LEADER 2014–2020, amministrata mill-Fondazzjoni GAL Xlokk. Dawn il-miżurise jkunu qed jinċentivaw il-preservazzjoni tal-wirt kulturali Malti fin-naħat tax-Xlokk ta’ Malta.

L-ewwel miżura għandha allokati għaliha €94,000 f’fondi Ewropej biex permezz ta’ dan l-investiment tagħti appoġġ finanzjarju lil għaqdiet volontarji reġistrati mal-Kummissjoni tal-Volontarjat, il-kunsilli lokali u individwi privati sabiex jagħmlu restawr li bih isaħħu l-valur kulturali u storiku tal-lokalitajiet tax-Xlokk ta’ Malta.

It-tieni miżura għandha allokati għaliha madwar €135,000 b’fondi Ewropej, bl-għanli tipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex issaħħaħ il-ħidma tal-għaqdiet volontarji fis-settur kulturali. Permezz ta’ din il-miżura, għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jinvestu fl-infrastruttura jew xiri ta’ apparat, makkinarju, instrumenti u riżorsi għat-taħriġ fl-arti, l-mużika u l-isport, fost oħrajn.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi ġewwa l-uffiċċju tal-GAL Xlokk f’Ħal Qormi sa mhux aktar tard mill-Erbgħa, 3 ta’ Frar 2021 f’nofsinhar. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz tat-telefon: 2099 8008, email: info@galxlokk.com, jew is-sit elettroniku: www.galxlokk.com.

Share With: