Sessjonijiet ta’ taħriġ fir-rugby għall-persuni b’diżabbiltà

Numru ta’ persuni b’diżabbiltà fil-preżent qed jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ fir-rugby bħala parti minn proġett koordinat minn The Brain Foundation, taħt it-tmexxija tal-Kavallier Marco Ortica. Matul is-sessjoni ta’ taħriġ tal-bieraħ, ingħaqdu l-Ministru Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Dawn is-sessjonijiet ilhom għaddejjin għal madwar sena u nofs u permezz tagħhom 22 persuna b’diżabbiltà jirċievu mhux biss taħriġ f’dan l-isport iżda jiffukaw ukoll fuq l-iżvilupp tal-ispirtu ta’ tim u mhux biss bħala attività soċjali.

Fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, u tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Ir-rugby hu sport li jibgħat messaġġ b’saħħtu ta’ tim u li wieħed jgħin lill-ieħor. Imma hija wkoll dixxiplina, li simili bħall-ħajja, tgħallmek li meta taqa’ jew tweġġa’ trid tqum u tkompli”. Semmiet li, “L-akbar sodisfazzjon hu li llum, sena wara, qed naraw x’bidla saret f’ħafna mill-klijenti żgħażagħ tagħna”.

Il-ministru esprimiet sodisfazzjon għal The Brain Foundation u għal Aġenzija Sapport li tul l-aħħar sena u nofs qed joffru din l-esperjenza unika lil persuni b’diżabbiltà. “Dan hu eżempju ċar ta’ kif ma rridu li ma jitħalla ħadd barra fis-soċjetà tagħna anzi għall-kuntrarju ta’ dan qed nuru li d-diżabbiltà kapaċi ndawruha f’abbiltà. L-espressjoni fuq wiċċ kull wieħed u waħda minn dawn il-persuni b’diżabbiltà turi li dan l-isport sar parti mill-ħajja tagħhom u kapaċi jipprattikawh bħal kwalunke persuna oħra u dan grazzi wkoll għat-tim dedikat ta’ voluntiera”.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja lil Aġenzija Sapport u lil The Brain Foundation ta’ din l-inizjattiva u qal li l-gvern qed juri biċ-ċar kemm l-għaqdiet volontarji huma importanti għall-pajjiż. Qal li dan huwa każ ċar u ġenwin fejn l-isport u l-volontarjat, b’mod tanġibbli, qed jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom.

“Permezz ta’ diversi skemi qed ngħinu lil dawn l-għaqdiet sabiex ikomplu joħolqu programmi bħal dawn u jkomplu jagħmlu ġid fis-soċjetà tagħna”, qal is-Segretarju Parlamentari Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras irringrazzjat lis-Sur Ortica u lill-voluntiera u lill-professjonisti kollha li dejjem jemmnu fl-abbiltajiet tal-persuni b’diżabbiltà u jinkoraġġuhom jipparteċipaw b’mod attiv f’diversi aspetti tas-soċjetà, f’dan il-każ fl-isport. Tenniet li dan mhux biss jippromwovi l-inklużjoni iżda jkompli juri li kulħadd għandu jemmen fil-kontribut tal-persuni b’diżabbiltà u fid-drittijiet tagħhom għal parteċipazzjoni sħiħa. Tkellmet dwar l-importanza li Aġenzija Sapport tagħti kemm lill-volontarjat fis-settur tad-diżabbiltà issa li s-servizz Sharing Lives kompla jikber u ġie estiż għal Għawdex, kif ukoll permezz ta’ aktar ħidma fil-qasam sportiv b’diversi kollaborazzjonijiet inklużi ma’ The Brain Foundation u ma’ Special Olympics Malta fost l-oħrajn.

F’Ottubru 2019 bdiet il-kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u The Brain Foundation fejn 22 persuna b’diżabbiltà li jattendu s-servizz ta’ Sharing Lives immexxi minn Aġenzija Sapport sa issa bbenefikaw minn dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ bil-kontribut ta’ diversi voluntiera, li din is-sena jinkludu wkoll voluntiera mit-tim tar-rugby tal-Kavallieri.

Share With: