Sid ta’ pastizzerija ħati ta’ vjolenza eċċessiva waqt argument

Raġel li kellu argument ma’ ieħor waqt li kien fil-pastizzerija tiegħu ġie ikkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li uża vjolenza eċċessiva meta iddefenda lilu nnifsu.

Manolito Magri kien mixli li fil-31 ta’ Lulju 2017, fil-Ħamrun, ħebb għal Stephen Zammit u kkaġunalu ġrieħi gravi.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li fil-jum imsemmi rċeviet rapport li kien għaddej argument fi Triq Joseph Abela Scolaro.

Meta numru ta’ uffiċjali marru fuq il-post sabu lil Magri u Zammit b’dan tal-aħħar wiċċu bid-demm u kien għalhekk li ssejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei.

Magri kien investiga u tressaq fil-Qorti bil-każ jinstema quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Zammit xehed li huwa kien ipparkjat fejn l-Iskola Maria Regina u meta ra żewġt irġiel jidħku bih u meta staqsihom biex qed jidħku bdew jgħajtu miegħu.

Huwa sostna li tant kemm beża’ li wissihom biex ma jersqux lejh inkella kien se joqtolhom billi jisparalhom u anke mar fetaħ il-‘luggage booth’ biex ibeżżahom.

Kien hawn li Magri aggredih u ntilef minn sensih fl-ambulanza fejn dam madwar erbat ijiem l-isptar.

Min-naħa tiegħu Magri qal li huwa kien fil-ħanut tiegħu bilqegħda ma’ raġel ieħor meta ġie Zammit u beda joffendi lil xi ħadd li ma kienx jaf min.

Imbagħad Zammit beda jipponta subgħajh lejh u meta staqsih kienx qed jirreferi għalih dan wieġbu li iva u beda jheddu li se joqtlu.

Magri żied li x’ħin ra lil Zammit imur jifraħ il-bagoll tal-karozza mar biex ma jħallihx jagħmel dan u kien x’ħin Zammit għolla jdejha li tah daqqa.

Fil-kawża xehed ukoll Anthony Muscat li dak il-ħin kien qed jiekol fil-ħanut fejn irrakkonta kif kien Zammit li beda joffendi lil Magri u anke heddu li joqtlu.

Huwa sostna li kif Magri resaq lejn Zammit dan xejjirlu daqqa ta’ ponn imma ma laqtux imbagħad telaq jiġri lejn il-bagoll tal-karozza mbagħad l-akkużat tah daqqa ta’ ponn.

Muscat ċaħad li qabel xehed kellem lil Magri u baqa’ jinsisti li kien Zammit li ipprova jxejjer l-ewwel daqqa ta’ ponn lill-akkuat.

Wara li semgħet dawn ix-xhieda, kif ukoll pulizija u tobba li kkuraw lil Zammit, il-Maġistrat Stafrace Zammit sostniet li mhux ċar min ta l-ewwel daqqa lil min.

Hija rrimarkat li m’hemmx dubju li kien Zammit li ipprovoka l-ġlieda madankollu saħqet li Magri “mar oltre dak permess mil-liġi meta iddefenda lilu nnifsu” u għalhekk sabitu ħati li ikkaġunalu ġrieħi gravi.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella li investiga l-każ.

Share With: