Sidt garaxx tal-VRT ħatja talli nħarġu ċertifikati foloz

Mara li tmexxi garaxx li jispezzjona l-karozzi għall-VRT kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabet ħatja li ordnat tliet impjegati joħorġu ċertifikati foloz.

Anna Maria Demanuele kienet mixlija li f’Jannar 2007, u fis-snin ta’ qabel, ordnat lil Melvin Zammit, Anthony Mark Micallef u Mario Demanuele joħorġu ċertifikati foloz.

It-tliet impjegati kienu jaħdmu mal-kumpanija Motor Tests Services Limited u wkoll kienu tressqu fil-Qorti dwar dan il-każ fejn ammettew l-involviment tagħhom.

Il-Pulizija, permezz tal-Ispettur Anna Marie Xuereb, bdiet tinvestiga lil Demanuele wara li rċeviet informazzjoni li ċertu Carmelo Mangion kien irrapporta mal-Awtorità tat-Trasport li l-vettura tiegħu kienet għaddiet mill-VRT mingħajr ma għamlet it-test u li kien ħallas lil ċertu Louis Bonello għaċ-ċertifikat.

Meta l-Pulizija kellmet lil Bonello dan ikkonferma l-allegazzjoni, stqarr li kien ilu xi erba’ snin jakkwista ċertifikati b’dan il-mod, sostna li miegħu kien hemm Frankie Gambin li kien iġib iċ-ċertifikati u stqarr li kienu jinħarġu madwar 15-il ċertifikat fix-xahar li fuqhom kien iżomm Lm5 ‘commission’.

Il-Pulizija kellmet diversi persuni fosthom Joseph Bugeja, Carol Camilleri u Osama Moihammed Ben Milud li wkoll ikkonfermaw li qatt ma tellgħu l-vetturi tagħhom għat-test minkejja li nħarġilhom iċ-ċertifikat.

Peress li ċ-ċertifikati nħarġu mill-Motor Test Services Limited u ssemma Bartolomeo Agius il-Pulizija kellmet lil dan tal-aħħar fejn ammetta dak li seħħ u indika lil Joseph Camilleri għalkemm meta interrogat dan ċaħad.

Il-Pulizija kellmet ukoll lill-imsemmijin tliet impjegati tal-kumpanija fejn waqt li ammettew li ħarġu ċertifikati foloz sostnew li kienet Demanuele li bħala l-prinċipal tagħhom tathom dawn l-istruzzjonijiet.

Wara li nstabet ħatja u kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin Demanuele appellat madankollu l-Imħallef Edwina Grima warrbitilha l-appell fejn anke irrimarkat li għalkemm ippruvat ixxejjen il-verżjoni tagħhom  ma iddejqet xejn terġa’ timpjegahom.

Hija sostniet li mix-xhieda tagħhom ħareġ li kienet hi l-moħħ tal-abbużi li saru f’dan il-garaxx kif ukoll li ċ-ċertifikati foloz inħarġu ġimgħa wara l-oħra għal diversi snin.

Kien għalhekk li ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fejn minbarra s-sentenza sospiża Demanuele tpoġġiet taħt ordni ta’ superviżjoni għal sentejn u ġiet ordnata tagħmel 300 siegħa xogħol fil-kommunità

Share With: