Sirens jirritornaw għar-rebħ

Minn Cris Muscat

Senglea Athletic ..0

Sirens …………………1

Wara draw kontra Mosta u żewġ telfiet konekuttivi kontra Birkirkara u Balzan, Sirens irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Senglea Athletic bl-iskor ta’ 1-0.

B’hekk waslet ukoll l-ew­wel rebħa għall-coach Giovanni Tedesco kemm ilu fit-tmun tat-team minn San Pawl il-Baħar.

Min-naħa l-oħra kompla l-istaġun diżastruż għal Senglea Athletic li jinsabu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’żewġ punti biss fejn kulma jmur qed jidhru destinati li staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League.

Rimarkabbli huwa l-fatt li f’din il-partita ġew reġistrati xjen inqas minn erba’ tkeċċijiet – tnejn fuq kull naħa biex iż-żewġ timijiet temmew il- partita b’disa’ players.

Kienu Sirens li ħargu fuq l-offensiva meta wara ħames minuti, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Raphael Dos Anjos għadda ftit barra.

It-team mill-Kottonera wieġeb fit 18-il minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Junior Dibola li ġie mxellef f’corner.

Fis-37 minuta, reġgħu kienu Sirens li resqu viċin meta l-free-kick ta’ Hamed Kone ħabat mal-wieqfa qabel intemm barra.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sirens komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fit-52 minuta, minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Hamed Kone qamet taħwida fil-kaxxa iżda Andre Scicluna salva lill-Athletics meta kklerja minn fuq il-linja fatali.

Fit-62 minuta Sirens fetħu l-iskor  meta mill-corner mogħti minn Kone kien MANUEL ANGEL BUSTOS li għola fuq kulħadd u permezz ta’ daqqa ta’ ras xeħet fix-xibka.

Tliet minuti wara l-istess Pawlini kellhom lil Ryan Scicluna mkeċċi wara t-tieni karta safra.

U proprju fit-80 minuta saħansitra spiċċaw jilagħbu b’disa’ players meta din id-darba tkeċċa Manuel Angel Bostos permezz ta’ karta ħamra diretta.

Seba’ minuti wara kien imiss lil Senglea li jispiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Andre Scicluna wara li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ disa’ minuti waqt li erba’ minuti fil-ħin miżjud, tkeċċa għalihom ukoll Luis Carlos Riacos għal darb’oħra minħabba li ġie ammonit għat-tieni darba.

SENGLEA A.: 1-Matthew Farrugia, 5-Zachary Cassar, 6-Alan Abela, 8-Freud Gnindokponou, 15-Dion Fava, 17-Jan Tanti, 18-Luis Carlos Riascos, 20-André Scicluna, 24-Junior Dibola, 30-David Xuereb (28-Luca Brincat 84), 89-Wilkerson Gomes (19-Daneel Abela 81)  – Coach: Clive Mizzi

SIRENS: 24-David Cassar, 8-Raphael Dos Anjos, 9-Tamsir Jammeh (6-Ryan Grech 67), 10-Hamed Kone (23-Terence Agius 71), 11-Wilfried Domoraud, 17-Jacob Walker, 19-Adrian Borg, 20-Samba Tounkara, 21-Ryan Scicluna, 28-Manuel Angel Bustos, 94-Emiliano Callegari Torre   – Coach: Giovanni Tedesco

REFEREE: Andrea Sciriha

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Thomas Debono

RABA’ UFF: Slobodan Petrovic

SKORERS: M. A. Bustos 62 (S)

AMMONITI: L. C. Riascos, F. Gnindokponou, A. Scicluna  (SA), R. Scicluna (2), M. A. Bustos (S)

TKEĊĊEW: R. Scicluna 65, M. A. Bustos 80 (S), A. Scicluna 87, L. C. Riascos 94 (SA)

Share With: