Spettur sospiż dwar suspettat ħruġ ta’ informazzjoni lil wieħed mill-avukati ta’ Yorgen Fenech
Spettur tal-Pulizija ġie sospiż b’rabta ma’ allegazzjonijiet li seta’ għadda informazzjoni lill-avukati ta’ Yorgen Fenech, li huwa akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Aktar kmieni llum Times of Malta rrapportat li l-Ispettur Elton Taliana seta’ għadda informazzjoni b’rabta ma’ investigazzjoni dwar Julian Hofstra. Hofstra riċentement kien konness ma’ allegat rekordings sigreti ta’ Melvin Theuma inkonnessjoni mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Times qalet li aktar kmieni dan ix-xahar l-Ispettur Taliana inżamm għal madwar 13-il siegħa wara li l-pulizija irċeviet informazzjoni li seta’ għadda informazzjoni lil Hofstra.
Investigazzjoni interna fil-Pulizija qed tipprova tistabbilixxi jekk informazzjoni sensittiva ngħaddietx lil Charles Mercieca li jifforma parti mit-tim legali ta’ Yorgen Fenech.
Mercieca allegatament għamel kuntatt ma’ Taliana biex jikseb informazzjoni dwar Hofstra, li min-naħa tiegħu huwa konness ma’ każ ta’ droga f’Malta.
Il-midja lokali kienet rapportat li t-tim legali ta’ Fenech ipprova jikseb rekordings li allegatament jinkludu konverżazzjonijiet li fihom Theuma jipponta sbgħajh lejn l-eks-Chief of Staff Keith Schembri.
Dawn ir-rekordings, u rapporti li Theuma kien għamel kuntatt ma’ Hofstra biex jagħmel hacking tal-imejl ta’ Fenech ma ġewx verifikati.
Hofstra attwalment qed iservi sentenza ta’ priġunersija f’ħabs f’Amsterdam b’rabta ma’ scam li kien opera għal diversi xhur.