Studji juru li l-Covid-19 jista’ jagħmel ħsara fil-qalb

Il-virus ma jattakkax biss is-sistema respiratorja iżda l-ġisem kollu

Minn Carmen Cachia

Meta nisimgħu dwar il-Covid-19, il-virus li oriġina miċ-Ċina u nfirex f’pandemija globali, mill-ewwel jiġuna f’moħħna l-komplikazzjonijiet li jista’ jkun hemm fil-pulmun u għalhekk fin-nifs. Fil-fatt ir-riċerki kollha li saru mill-bidu tal-pandemija tas-SARS-CoV-2, ikkonċentraw fuq il-kumplikazzjonijiet serji li jista’ hemm fis-sistemi respiratorji u dan b’mod speċjali fil-każijiet ta’ pazjenti f’kundizzjonijiet kritiċi. Studju ppubblikat riċentement mill-Ġermanja sab li hemm evidenza ta’ komplikazzjonijiet fil-qalb minħabba l-Covid-19, liema studju ġie kkonfermat fi stħarriġ ieħor li sar warajh.

Sa mill-bidu tal-pandemija kien innotat li l-virus Covid-19 ma jattakax biss lis-sistema tan-nifs ta’ dawk infettati, iżda jagħmel ukoll ħsara lill-biqja tal-ġisem u dan b’mod speċjali fis-sistema kardjo-vaskulari, jiġifieri fil-qalb.

L-istudju, li sar bejn Ġunju u Awissu tas-sena l-oħra, sab li l-Coronavirus jaggrava kundizzjonijiet tal-qalb f’pazjenti bi problemi kardjoloġi persistenti u li hemm żieda f’kumplikazzjonijiet relatati mal-qalb f’pazjenti li jispiċċaw f’qagħda kritika.

Ippubblikat fuq “JAMA Cardiology” dan l-istudju jgħid li hemm evidenza ta’ komplikazzjonijiet fil-qalb fosthom mijokardite fulminanti, trombosi u stress fuq il-qalb, fost l-oħrajn. Fix-xhur ta’ wara saru studji oħra li kkonfermaw kumplikazzjonijiet fis-sistema tal-qalb fost pazjenti tal-Covid-19.

Għalhekk, “il-mard tal-qalb jirrappreżentaw mhux biss fattur ta’ riskju, iżda anke kumplikazzjoni tal-Covid-19”.  Fl-istudju Ġermaniż kienu eżaminati 100 pazjenti wara li rriżultaw negattivi għall-virus. Il-medja tal-età tagħhom kienet ta’ 49 sena. Il-maġġorparti tal-pazjenti li kienu asintomatiċi jew bi ftit sintomi, fiequ d-dar, mentri 33 pazjenti gravi kellhom bżonn kura fl-isptar u 19 minnhom kienu fuq makkinarju tan-nifs, iżda mhux tat-tip invażiv bħalma huwa l-ventilator.

It-terapija bl-ossiġnu saret fuq 28 pazjent u barra l-għajnuna respiratorja, dawn ingħataw terapiji kontra l-virus, antibijotiċi u sterojdi. Il-kumplikazzjonijiet persistenti fis-sistema kardjo vaskulari kienu jinkludu pressjoni għolja, diabete u mard kroniku. 

Total ta’ 78 pazjenti li fiequ mill-Covid-19, kienu b’xi mod affettwati f’qalbhom u dan indipendentement mill-kundizzjonijiet persistenti, mill-gravità u t-tul tal-infezzjoni mill-virus, kif ukoll minn sintomi eżistenti kardijaċi. L-aktar sintomu komuni osservat mill-esperti kienet infjammazzjoni fis-sistema tal-qalb.

Studju ieħor interessanti li sar minn għadd ta’ speċjalisti tal-Istitut Ortopediku ta’ Galeazzi (IRCCS) ippubblikat f’Novembru tal-2020 fuq “Frontiers in Phsiology”, ikkonferma li anke pazjenti b’sintomi ta’ komplikazzjonijiet fin-nifs jistgħu jimmanifestaw problemi fil-qalb. 

Huwa possibbli wkoll, li f’pazjenti li diġà kellhom problemi eżistenti minħabba qalbhom, is-sistema kardjo vaskulari tiġi attakkata qabel dik respiratorja u dan jista’ jkun minħabba infjammazzjoni, ormoni tal-istress u żbilanċ ieħor. Komplikazzjonijiet oħra fil-qalb kienu assoċjati ma’ problemi renali f’pazjenti li kellhom kundizzjonijiet relatati.

L-istudju Ġermaniż ikkonkluda li l-Covid-19 jista’ jkun ikkonsidrat bħala marda li tolqot b’diversi modi lill-pazjenti. Din is-sejba hija importanti biex jittieħdu in konsiderazzjoni l-fatturi ta’ riskju u biex jingħata trattament adattat skont il-kundizzjoni tal-pazjent. Dan biex, finalment, il-pazjenti tal-Covid-19 jibbenefikaw minn terapiji bbażati fuq l-evidenza u skont kif tkun qiegħda taffettwahom din il-marda.

Share With: