Tabib kontra li jsiru lockdowns severi u curfews

Jgħid li fost l-aħjar soluzzjonijiet hemm li nżommu d-distanza minima u ngħixu ħajja normali

It-tabib tal-familja u riċerkatur Jean Karl Soler esprima li huwa kontra li jsiru lockdowns severi u curfews. F’kummenti ma’ inewsmalta qal li fost l-aħjar soluzzjonijiet hemm li nżommu d-distanza minima u ngħixu ħajja normali. Dan juruh ukoll studji internazzjonali fosthom tal-Università ta’ Stanford, fejn minn dan l-istudju ħareġ li hemm evidenza ċara li lockdowns restrittivi ma jikkontribwixxu xejn biex inaqqsu l-każijiet ta’ Covid-19 b’mod sostanzjali, meta mqabblin ma’ miżuri bażiċi.

Rigward l-istudju tal-Università ta’ Stanford huwa qal: “Dan il-grupp immexxi minn Bendavid skopra li meta tqabbel il-każijiet bejn Svezja u l-Korea t’isfel, li ma għamlux “lockdown”, u tnaqqas l-effett tal-pandemija nnifisha u l-effett tal-miżuri bażiċi (distanza soċjali u ħasil tal-idejn), ma ssib ebda differenza. Anzi, sabu li Franza marret agħar bil-miżuri iktar restrittivi.”

Żied jgħid li iktar minn hekk sabu li setgħu jeskludu ebda effett minn lockdowns restrittivi sa 30% fil-każijiiet kollha, u 15% fil-maġġoranza tal-każiiiijiet.

Dr Jean Karl Soler qal: “Għalhekk “lockdowns” restrittivi ma jżiedu xejn fuq miżuri bażiċi ta’ distanza soċjali u anzi l-analiżi eskludiet kwalunkwe effett ħlief dak żgħir, forsi 10% jew inqas. Dan jaqbel ma’ studji oħrajn pereżempju dik ta’ Chaudry, li ukoll sabu li “lockdown” ma jagħmel ebda effett fuq il-mortalità.”

Żied jgħid li dan huwa ukoll konfermat minn analiżi tal-letteratura medika magħmula minn gruppi ta’ tobba li janalizzaw l-evidenza bħal “Cochrane Collaboration” u oħrajn, li ukoll sabu li “lockdown” jagħmel effett żgħir fuq ir-rata ta’ każijiet u l-ħsarat ta’ dawn il-lockdowns m’humiex studjati biżżejjed.

Fl-isfond tat-talba li saret ftit tal-jiem ilu mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Dr Jean Karl Soler qal: “Jiena ixxukkjat li hemm min qed isejjaħ għal curfew jew li jagħalquna ġewwa djarna wara d-9.00pm. meta qed jiġu ppubblikati dawn l-istudji kollha. Kif nistgħu nibqgħu nsostnu dak li l-evidenza medika uriet li ma jaħdimx?”

Żied jgħid li l-aħjar soluzzjoni hi li ngħixu ħajja normali, li noqgħodu attenti li nżommu d-distanza minima, naħslu idejna qabel ma mmissu wiċċna u noqgħodu d-dar jekk ma nifilħux. “Iżda importanti li nipproteġu l-anzjani, u dawk li għandhom iktar minn 70 sena għandhom jieħdu l-vaċċin bħala prijorità,” qal it-tabib.

Appella biex ikun hawn iktar informazzjoni ibbażata fuq studji xjentifiċi u mhux l-opinjonijiet ta’ nies li ma jikkwotawx l-evidenza.

Share With: