Temperaturi tal-arja rekord għax-xahar ta’ Jannar

It-temperatura tal-arja massima ta’ 25.8°C, li ntlaħqet is-Sibt 9 ta’ Jannar, tniżżlet fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata fl-ewwel xahar tas-sena mill-1923 ‘l hawn.

It-temperatura tal-arja massima tas-Sibt, fil-fatt, kienet sinjifikattivament ogħla min-norma klimatika – meħuda fuq perjodu ta’ 30 sena – ta’ 15.6°C għax-xahar ta’ Jannar. Is-sħana baqgħet tinħass anki l-Ħadd, bit-temperatura minima tal-arja tilħaq id-19.40C fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Din it-temperatura wkoll kienet waħda rekord għal Jannar – din id-darba l-ogħla temperatura minima għax-xahar li qatt ġiet irreġistrata s’issa.

It-temperatura tal-arja li ntlaħqet is-Sibt irriżultat minn riħ li kien ġej minn fuq id-Deżert Saħara. Il-preżenza ta’ kopertura ta’ sħab sfiq b’diversi livelli mbagħad serviet biex qabdet is-sħana tal-jum u ma ħallietx li jkun hemm tibrid matul il-lejl.

Sħab ta’ livell medju, li rrifletta d-dawl mix-xemx fi nżulha, kien parzjalment responsabbli għall-għabex spettakolari li esperjenzaw il-gżejjer Maltin fi tmiem iljum tas-Sibt, hekk kif sfumaturi ta’ roża u aħmar dawlu s-sema.

Qabel is-Sibt li għadda, ir-rekord għall-ogħla temperatura tal-arja fl-ewwel xahar tas-sena kien intlaħaq fid-29 ta’ Jannar 1939, b’temperatura massima ta’ 22.8°C. Dakinhar jidher li nuqqas ta’ sħab ippermetta li din it-temperatura għolja tinżel matul il-lejl, bir-rekords meteoroloġiċi juru li fis-sigħat bikrin tat-30 ta’ Jannar 1939 ġiet irreġistrata temperatura minima ta’ 13.9°C.

X’temp nistgħu nistennew fil-jiem li ġejjin?

Massa ta’ arja instabbli madwar il-gżejjer Maltin, partikolarment fuq il-Baħar Adrijatiku, flimkien ma’ sistema ta’ pressjoni baxxa fuq il-pajjiżi Skandinavi qegħdin iwasslu għal kundizzjonijiet tat-temp instabbli għal Malta.

Dan se jwassal għal jiem aktar kesħin, bit-temperatura tal-arja mistennija tilħaq massimu ta’ 15°C – li jinżel għal 13 °c nhar is-Sibt – u minimu li jvarja bejn 7°C u 11°c fil-jiem li ġejjin.

Illum u għada se jkunu jiem mirjieħa, ikkaratterizzati minn riħ mill-Majjistral ta’ forza 5 – 6 li, f’xi waqtiet, jista’ jilħaq forza 6- 7, u anki jkun akkumpanjat minn ħalbiet ta’ xita.

Share With: