Tfajla tispiċċa f’video pornografiku bla ma taf

Mara ta’ 31 sena li ta’ 16-il sena spiċċat fuq video pornografiku bla ma taf rebħet €32,656 f’kumpens lil tlieta mill-ħamest irġiel involuti fid-distribuzzjoni tiegħu.

Il-każ imur lura għall-2006 meta t-tfajla kellha relazzjoni sesswali ma’ ċertu John Martin bl-att sesswali ġie miġbud minn video camera, stampat fuq DVDs u ċċirkolat minn ħanut.

Kopja tal-filmat spiċċat saħansitra ntbagħtet id-dar tagħha bit-tfajla tispiċċa tgħaddi minn trawma.

Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ u fl-istess sena ressqet fil-Qorti tal-Maġistrati ħames persuni quddiem il-Maġistrat Joe Cassar li lkoll ammettew l-akkużi kontrihom.

Minbarra Martin, li dak iż-żmien kellu 22 sena, tressqu wkoll kuġinuh Lee Martin ta’ 28 sena, Emanuel Theuma ta’ 49 sena, Derek Lee D’Amato ta’ 26 sena u żagħżugħ ta’ 18-il sena li ismu ma setax jixxandar għax taħt l-età.

John Martin kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li kkorrompa lit-tifla, li ffilmja materjal pornografiku u ċċirkolah.

Kuġinuh Lee Martin ġie ikkundannat Lm300 wara li ammetta li kien involut fl-iffilmjar u ċ-ċirkolazzjoni tal-video.

Thuema u D’Amato kienu mmultati Lm200 kull wieħed għall-involviment fiċ-ċirkolazzjoni tal-film mentri l-ġuvnott ta’ 18-il sena nħeles bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Il-vittma fetħet kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-ħamest irġiel fejn talbet li tingħata kumpens għat-trawma li għaddiet minnha.

L-Imħallef Grazio Mercieca laqa’ t-talba ta’ Lee Martin u l-ġuvnott li kellu 18-il sena li ma kellhomx iwieġbu għal din il-kawża u żamm lil John Martin, D’Amato u Theuma responsabbli għall-kumpens.

Huwa kkunsidra li l-ewwel espert ikkonkluda li l-vittma sofriet debilità psikoloġika ta’ 30% mentri oħrajn ta’ 6%.

L-Imħallef Mercieca rrimarka wkoll li b’xorti tajba hija għelbet it-trawma, bniet relazzjoni stabbli ma’ raġel li miegħu kellha tarbija u għandha impjieg regolari.

Kien għalhekk li ordna lill-istess tlett irġiel biex iħallsuha kumpens ta’ €32,656.

Share With: