Tifel bl-awtiżmu jara l-possibiltà li jsir awtur tal-kotba

Ommu tgħid li minkejja l-kundizzjoni, dejjem emmnu li Beppe kellu potenzjal

Minn Maria Azzopardi

Beppe, tifel ta’ disa’ snin li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu, żgur u mhux forsi ma jħallix din il-kundizzjoni twaqqfu milli jikseb dak li jixtieq. Tant hu hekk li wasal biex kiteb ktieb bl-isem ta’ ‘Il-Mawra tiegħi fl-Ispazju’, storja li tirrifletti x-xewqat ta’ Beppe li jmur fl-ispazju. Mhux hekk biss tant li reċentament huwa ħadem fuq storja oħra u wera x-xewqa li jaħdem fuq oħrajn.

Inewsmalta tkellem ma’ ommu Olivia Galea Seychell li qaltilna li l-kitba tgħin ħafna lil Beppe biex jesprimi ruħu u tagħtih ħafna sodisfazzjon. Apparti x-xewqa li jaħdem fuq stejjer oħrajn, l-omm qalet li huwa jara l-possibiltà li jkun awtur tal-kotba. Il-kitba mhux biss isservi biex jesprimi ruħu, iżda tagħtih ħafna sodisfazzjon.

Mistoqsija x’sodisfazzjon jagħtiha bħala omm il-fatt li minkejja kollox irnexxielu jikteb ktieb hija qaltilna: “Is-sodisfazzjon tiegħi huwa li narah jiżviluppa, li għalkemm għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu xorta għandu ħafna potenzjal. Jien dejjem emmint fih u naħseb li kwalunkwe omm temmen f’uliedha. Għalkemm il-kundizzjoni toħloq ħafna sfidi xorta waħda trid tibqa’ għaddejja u ma taqtax qalbek.”

Tifel intelliġenti li jitgħallem malajr u b’memorja tajba ħafna

Beppe huwa tifel li jħobb affarijiet li tfal tal-età tiegħu jħobbu. Fost l-affarijiet, iħobb jara diversi videos fuq Youtube li sħabu jkunu tkellmu fuqhom l-iskola. Madanakollu, l-omm qaltilna li Beppe jħobb ukoll jilgħab bid-drones. Spjegat li fil-passat kien iħobb jiġri aktar bl-iscooter, iżda iktar ma qiegħed jikber qed juri interess f’affarijiet oħra li ġeneralment juru tfal tal-età tiegħu.

L-omm qalet: “Beppe dejjem kien iħobb imur l-iskola. Jieħu gost jilgħab ma’ sħabu u jħobb jitgħallem ukoll. Huwa ħafna intelliġenti u jitgħallem malajr. Fil-fatt għandu memorja tajba ħafna u jħobb jitgħallem affarijiet ġodda u li jistimulawh. Iħobb ħafna l-matematika kif ukoll il-lingwi u l-istudju soċjali fost oħrajn.”

Il-ktieb inkiteb bil-metodu ta’ Rapid Prompting Method

L-omm qalet li saru jafu bil-kundizzjoni ta’ Beppe minn meta kien iżgħar u allura mill-ewwel ħadu azzjoni biex jattendi terapiji addattati għalih. Qalet li minn dejjem emmnu li Beppe kellu potenzjal għax kien jinteressah kollox, iżda riedu jsibu metodu iktar effettiv biex jgħinuh joħroġ il-potenzjal tiegħu. Qalet li dan sabuh meta bdew ir-Rapid Prompting Method. L-omm qalet li l-ktieb inkiteb b’dan il-metodu li huwa metodu li jintuża minn persuni bl-awtiżmu iżda mhux biss. L-omm spjegat li dan huwa metodu ta’ tagħlim iżda li jgħinek tasal għal komunikazzjoni miftuħa. Żiedet tgħid li l-persuna tindika ittra ittra dik li tixtieq tgħid. “Fil-bidu jkun hemm persuni li tiffaċilita l-komunikazzjoni pero l-għan huwa li maż-żmien jibda jintuża aktar id-device u allura l-persuna jkollha iktar indipendenza,” spjegat Galea Seychell.

Beppe xtaq jesprimi kif taffettwah l-kundizzjoni tal-awtiżmu

Mistoqsija ta’ min kienet l-idea li jikteb ktieb u għaliex, l-omm qalet: “Beppe xtaq jesprimi kif taffettwah l-kundizzjoni tal-awtiżmu u jien minħabba li ġejja mil-kamp akkademiku inkoraġġejtu biex jikteb. Ma kienx proċess faċli għax domna jiem twal u kien hemm ħafna emozzjonijiet pero kif lesta kellu sens ta’ paċi għax irnexxilu jesprimi ruħu.”

Mistoqsija x’sinifikat għandu dan il-ktieb u l-istorja li hemm ġo fih, l-omm qaltilna li l-istorja fil-ktieb Il-Mawra tiegħi fl-Ispazju tirrifletti ix-xewqat ta’ Beppe li jmur fl-ispazju. “Fil-fatt Ġużi l-protagonist tal-istorja huwa hu stess, iżda xtaq juża isem Malti minflokk Beppe. Beppe jħoss li jekk imur fl-ispazju hu se jsib ħelsien u serħan minn dak kollu li joħloqlu diffikultà f’din id-dinja. Li jkollok l-awtiżmu mhux faċli għax għalkemm l-għarfien żdied imma għad baqa’ ħafna x’jsir u l-istorja tipprova toħloq għarfien dwar xi tfisser li jkollok l-awtiżmu minn awtur li għandu awtiżmu u diffikultà biex jitkellem,” qalet omm Beppe.

Minħabba l-kundizzjoni tiegħu, l-isfidi huwa varji

Mistoqsija xi sfidi jiltaqa’ kemm huwa personali kif ukoll bħala familja minħabba l-kundizzjoni tiegħu, l-omm qalet li l-isfidi huwa varji u l-fatt li huwa għandu limitazzjoni biex jitkellem dik hija ta’ sfida għalih biex jinftiehem. Spjegat li bil-mod dik id-diffikultà qed jelgħbuha grazzi għall-metodu ta’ rapid prompting.

L-omm qalet: “Biex tagħmel ċertu attivitajiet trid tipprepara ħafna għax Beppe jkun affettwa mill-att sensorjali. Hemm ukoll sfidi oħra li minħabba l-imġieba tiegħu isib nies li jgħaddu ċertu kummenti. Beppe ma tantx għandu paċenzja jistenna allura ma tantx nistgħu noqgħodu wara xi queue.”

Minkejja li żdied l-għarfien, għad baqa’ ħafna xi jsir…

Mistoqsija kif in-nies ġeneralment iħarsu lejn il-kundizzjoni ta’ Beppe u jekk temminx li għad baqa’ l-bżonn ta’ aktar għarfien fis-soċjetà, l-omm qalet li għalkemm żdied l-għarfien, għad baqa’ ħafna xi jsir. Hija qalet: “Minħabba ċertu imġieba ta’ Beppe tisma’ ċertu kummenti. L-għarfien huwa importanti u kruċjali għax hemm bżonn li nifhmu li ma jfissirx għax tara ċertu imġieba l-persuna ma tifhimx jew li l-persuna tista’ tikkontrolla l-imġieba tagħha. Iktar ma’ jiżdied l-għarfien iktar persuni bl-awtiżmu jistgħu joħorġu l-potenzjal tagħhom, jesprimu dak li jixtiequ. Fl-aħħar mill-aħħar huwa d-dritt u d-dover tagħna lkoll li kull wieħed u waħda minnha jimxi ‘il quddiem u jgħix ħajja ta’kwalita’ kemm bħala tfal kif ukoll bħala adulti.” 

Il-pandemija ħolqot ċertu tibdil għal Beppe

Mistoqsija kif affettwatu din il-pandemija u dwar l-iskola, l-omm qalet li l-pandemija ħolqot ħafna tibdil u ansjetà f’kulħadd. “Fil-bidu Beppe sabha ħafna diffiċli li ma baqax imur l-iskola u ma jiltaqax ma’sħabu. Madanakollu aħna komplejna bl-istudji tiegħu. Sakemm addatta għal-lezzjonijiet online ma kienx faċli iżda maż-żmien beda sejjer ‘il quddiem. Fil-fatt dan grazzi għal metodu li nużaw fit-tagħlim u l-komunikazzjoni tiegħu li huwa RPM (Rapid Prompting Method). Meta reġgħet fetħet l-iskola Beppe wera li xtaq imur l-iskola u fil-fatt beda jerġa jattendi. Is-sitwazzjoni li għandna ċertu restrizzjonijiet mhux faċli speċjalment li hemm xi sħabu oħra li qegħdin f’bubble differenti u allura ma jistax jiltaqa’ u jilgħab magħhom. Dik ħassa ħafna,” temmet tgħid omm Beppe. 

Share With: