Tliet snin ħabs wara li seraq żewġ vetturi f’Għawdex

Marc Luigi Alwan ta’ 22 sena u mingħajr residenza fissa ntbagħat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li seraq żewġ vetturi f’Għawdex u li kien reċediv.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Ġunju 2020, meta raġel kien irrapporta fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex, li xi ħadd mhux magħruf seraqlu Mercedes Benz li kienet ipparkjata quddiem ir-residenza tiegħu fiż-Żebbuġ, Għawdex. 

Fl-istess lejl irċeviet informazzjoni minn uffiċjal tas-sigurtà minn Dar Padova f’Għajnsielem fejn stqarr li ra lil Alwan b’ċavetta f’idu ta’ vettura u wara rah jitlaq b’vann abjad li fuqu kellu tabella bl-isem “Lighthouse Supermarket”.

Huwa ġie traċċat mill-Pulizija għaddej mir-Rabat, Għawdex, isuq l-imsemmi vann u twaqqaf qrib il-mina fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II. 

Minn jeddu Alwan għadda ċ-ċavetta bl-arma ta’ Mercedes lill-Pulizija u stqarr li kien jaħdem mal-Lighthouse Supermarket u kien qed jagħmel delivery billejl. Sid il-vann l-abjad meta kkuntattjat qal li Alwan qatt ma ħadem miegħu u li l-vettura ma kinitx imsakkra.

Waqt l-interrogazzjoni, Alwan ma kkopera xejn mal-Pulizija anke fir-rigward ta’ x’sar mill-vettura Mercedes. Din il-vettura eventwalment instabet fid-9 ta’ Awwissu 2020 fi Sqaq Papa Klement XIV, fl-Għarb, Għawdex. 

Fil-kawża xehdu diversi xhieda inkluż pulizija, is-sidien tal-vetturi involuti f’dan il-każ u espert psikjatriku mqabbad mill-Qorti li ddikjara li Alwan ma kienx ibati minn mard mentali u li kien jaf eżatt x’qed jgħid u jagħmel.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, qalet li fiċ-ċirkostanzi fil-konfront ta’ Alwan, piena karċerarja effettiva hija waħda idonea. 

“Dan għaliex l-imputat mhu juri l-ebda sforz biex jaqbad it-triq it-tajba, anzi jibqa’ kontinwament jisfida, tant li baqa’ jirrifjuta saħansitra avukat tal-għajnuna legali biex jassistih,” qalet il-Qorti li qieset ukoll il-fatt li huwa reċediv u li d-derubati kienu ħafrulu.  

Kien għal dawk ir-raġunijiet li l-Qorti kkundannatu għal tliet snin priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel arrestat proviżorjament. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci. 

Share With: