Wara ħafna ntoppi l-WHO tasal f’Wuhan biex tinvestiga dwar l-oriġini tal-virus

Wara ħafna waqfiet u ttardjar, tim ta’ esperti mill-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinija (WHO) waslu fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan sabiex jinvestigaw l-oriġini tal-pandemija.

Grupp ta’ 10 xjenzati se jkunu qed jagħmlu ġimagħtejn kwarantina qabel jibdew jintervistaw persuni bħalma huma riċerkaturi, dawk li jaħdmu fl-isptarijiet u bejjiegħa ta’ swieq li qed ikunu relatati mal-bidu tal-firxa tal-pandemija lejn l-aħħar tal-2019.

Iċ-Ċina kienet kkritikata minn bosta pajjiżi fosthom l-Istati Uniti rigward it-trasparenza ta’ minn fejn seta’ beda jinfirex il-virus. Minkejja dan għal diversi xhur, Beijing insistiet li l-oriġini tal-pandemija seħħet xi mkien ieħor.

Il-Professur Dale Fisher mill-WHO qal li din mhijiex żjara relatata ma’ politika jew bil-ħsieb li tara minn hu ħati, iżda waħda li tista’ tgħin biex titwieġeb mistoqsija xjentifika.

Fisher żied jgħid li ħafna mix-xjenzati qed jemmnu li l-virus kien “attività naturali”.

Share With: