Xibka tas-sajd titneħħa minn sit storiku f’qiegħ il-baħar

It-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdan Heritage  Malta, bil-kollaborazzjoni kontinwa tal-ATLAM Dive Club, wettqet  operazzjoni fejn tneħħiet xibka tas-sajd mis-sit tal-HMS Southwold (in-naħa  tal-pruwa), li huwa wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta f’qiegħ il-baħar. 

Is-sit tal-HMS Southwold jinsab bejn wieħed u ieħor 2.4km lil hinn mill kosta ta’ Wied il-Għajn, f’fond ta’ 65 metru. L-HMS Southwold kien destroyer Ingliż ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. F’Marzu tal-1942 laqat  mina u nqasam fi tnejn. Fil-fatt illum issir distinzjoni bejn is-sit fejn hemm  in-naħa tal-pruwa u s-sit tan-naħa tal-poppa. 

L-operazzjoni tat-tneħħija tax-xibka kienet sforz konġunt bejn l-UCHU u l ATLAM. Sitt bugħaddasa rnexxielhom ineħħu x-xibka f’għadsa waħda. 

DCIM\104GOPRO\GOPR6556.JPG

Din l-operazzjoni kienet parti minn proġett li l-UCHU qed twettaq bħalissa u  li fih qed jitneħħew xbieki tas-sajd minn diversi siti ta’ Heritage Malta  f’qiegħ il-baħar. Minbarra li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-wirt  kulturali f’qiegħ il-baħar, tali operazzjonijiet huma ta’ benefiċċju ambjentali. It-tniġġis tal-baħar qieħed kulma jmur jiżdied u huwa importanti ħafna li  wieħed jifhem l-impatt tiegħu fuq l-ambjent marittimu. It-tneħħija ta’  rkaptu tas-sajd qadim għandha sehem ewlieni fil-ħarsien ta’ dan l-ambjent. 

Il-preżenza ta’ dak li hu magħruf bħala ghost gear – jiġifieri xbieki tas-sajd, nases u lenez abbandunati – fl-oċeani tad-dinja qiegħda dejjem tiżdied,  b’madwar 640,000 tunnellata ta’ rkaptu tas-sajd jitħallew fl-ibħra kull sena.  L-irkaptu abbandunat huwa perikoluż għax jibqa’ miexi mal-kurrenti għal  żmien twil u jaqbad ħlejjaq tal-baħar b’mod indiskriminat. Il-Mediterran u  Malta mhumiex eċċezzjoni. Il-flora u l-fawna tal-baħar tagħna, li spiss  jagħżlu s-siti ta’ qiegħ il-baħar biex jgħixu fihom, faċli jitħabblu fl-irkaptu  abbandunat. Il-bugħaddasa wkoll jistgħu jkunu f’periklu li ma jkunux konxji  tiegħu. 

Share With: