AĠĠORNAT: Tirreaġixxi l-Assoċjazzjoni tat-Taxis il-Bojod

Xufier ta’ taxi, li ma jifformax parti mill-Assoċjazzjoni tat-Taxis il-Bojod, ta’ 35 sena ċaħad li darab b’mod gravi lil raġel Rumen li huwa allegatament attakka b’martell fl-Ewwel tas-Sena.

Christian Lawrence Desira, miż-Żejtun, ċaħad li darab lil Alin Mircea Ladariu u li hedded lil raġel ta’ nazzjonalità Kolombjana, Luis Pierino Vargas Garcia fl-istess inċident.

L-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Cassar qal lill-Maġistrat Doreen Clarke li l-inċident seħħ f’San Ġiljan għall-ħabta tat-3.20 p.m. nhar l-Ewwel tas-Sena.

Fi stqarrija l-Pulizija kienu qalu li r-raġel Rumen u l-Kolombjan daħlu l-Għassa ta’ San Ġiljan u allegaw li kienu għadhom kemm ġew aggrediti minn raġel ieħor. Ftit wara fl-Għassa daħal Desira, ta’ 35 sena li allega li kellu argument ma’ żewġ persuni.

Desira ngħata ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000. Huwa kien ordnat li jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.

NOTA:

B’reazzjoni gġall-artiklu, l-Assoċjazzjoni tat-Taxis il-Bojod qalet li x-xufier imsemmi hawn fuq mhuwiex parti mill-Assoċjazzjoni tagħhom. Hija qalet li fil-passat meta seħħew inċidenti simili, li ma jkunu jappartjenu lil xi membru tal-Assoċjazzjoni tat-Taxis il-Bojod, xorta jinkiteb xufier ta’ taxi. It-tweġiba kompliet tgħid li fid-dawl ta’ dan, ir-reputazzjoni tax-xufiera tat-taxis il-bojod ħadet daqqa ‘l isfel.

Share With: