YouTube jissospendi ċ-channel ta’ Donald Trump

Il-pjattaforma ta’ xandir ta’ filmati YouTube ssospendiet iċ-channel ta’ Donald Trump u neħħiet filmat ippubblikat fuq l-istess channel talli kiser il-politika tal-kumpanija kontra l-instigar tal-vjolenza. Din hija l-aħħar minn sensiela ta’ sanzjonijiet li ttieħdu fil-konfront tal-President Amerikan.

Pjattaformi onlajn u kumpaniji tal-midja soċjali kulma jmur dejjem aktar qed jiddistanzjaw ruħhom u jieħdu azzjoni fil-konfront ta’ kull minn inkoraġġixxa jew ħa sehem fl-irvellijiet vjolenti fuq il-binja tal-Capitol fl-Istati Uniti. F’dawn l-irvellijiet ħadu sehem sostenituri politiċi ta’ Trump.

YouTube qalet li se tkun qed tissospendi b’mod indefinit il-possibbiltà ta’ kummenti fuq iċ-channel ta’ Trump minħabba tħassib dwar is-sigurtà.

Sostenituri ta’ Trump daħlu b’forza fil-binja tal-Capitol nhar is-6 ta’ Jannar li għadda bil-għan li jwaqqfu ċ-ċertifikazzjoni mill-Kungress Amerikan tar-rebħa elettorali mill-President-elett Joe Biden.

Trump li sfida l-validità tar-rebħa ta’ Biden mingħajr ma pproduċa evidenza li juri l-allegazzjonijiet tiegħu, għall-bidu faħħar lis-sostenituri tiegħu. Madankollu aktar tard huwa kkundanna l-vjolenza.

Politiċi kienu mġiegħlin jaħarbu mill-binja wara li s-sostenituri ta’ Trump kienu involuti fi ġlied mal-forzi tas-sigurtà preżenti fil-binja. Fil-vjolenza li qamet mietu ħames persuni, fosthom uffiċjal tal-Pulizija tal-Capitol.

Share With: