Żammejna l-pandemija

Minn Benny Borg Bonello

Bdiet sena ġdida u l-pandemija għadha magħna.  Mhux talli hekk, talli wara l-festi erġajna rajna mewġa oħra preċiż kif il-mewġa ta’ qabel kienet nieżla sew. 

Ir-raġuni hi sempliċi – għal żmien il-festi kellna ħafna li abbandunaw il-miżuri li kienu rakkomandati mill-awtoritajiet tas-Saħħa.  Milli jidher ħafna ħasbu li l-virus COVID-19 ser jieħu vaganza bħalhom u għalhekk ma baqgħux iżommu strettament mar-regolamenti.  Kien hemm oħrajn li litteralment insew kull direzzjoni.  Dan jidher mir-rapporti fl-aħbarijiet.  Per eżempju, kienet inqalet ġlieda fejn kien hemm milli jidher kien hemm involuti mal-50 ruħ!  Dan juri li kien hemm postijiet fejn kien hemm ġemgħat kbar.

Il-pandemija ma tistax tiġi kkontrollata minn ħadd ħlief minn kull individwu.  Sakemm ikun hawn nies li mhux iħarsu strettament id-direttivi tal-awtoritajiet tas-Saħħa, il-pandemija tibqa’ tinfirex.  Inkunu ċari l-pandemija ma ġietx waħedha.  Aħna n-nies li ġibniha u aħna wkoll li żammejniha. U aħna n-nies li rridu inwaqqfuha.

Hemm min jaħseb li minħabba din il-mewġa hemm bżonn nerġgħu inżiedu r-restrizzjonijiet.  Jien ma naqbilx.  Ir-raġuni hi il-fatt li nżiedu r-restrizzjonijiet ser iwassal għal aktar sagrifiċċji minn dawk li diġa josservaw id-direttivi.  L-oħrajn ma tantx ser iħabblu rashom.  Iħabbluha biss, jekk jiżdied ‘enforcement’.

Qbajt skantat meta Profs Gauci ġiet attakkata għaliex min attakkaha, barra li kien jidher li jrid jieħu vantaġġ politiku, ma jaf xejn dwar kif tikkontrolla l-pandemiji.  Dan wera wkoll il- frustrazzjoni minħabba l-falliment personali qed jerġa’ jwassal għal mibegħda lejn dawk in-nies li qed jaħdmu għall-ġid tal-komunita’ kollha.

Il-banek

Fuq il-media ftit kien hemm tgergir fuq il-banek is-sena l-oħra minħabba li kollox kien iffukat kif nistgħu nikkontrollaw il-pandemija.  Biss tul is-sena li għaddiet il-banek ħadu żewġ miżuri li xejn ma kienu tajba għall-konsumaturi.  L-ewwel kien hemm tnaqqis mill-interessi li kienu qed jagħtu fuq kull depożitu.  Min-naħa l-oħra kien hemm żieda fic-charges għal servizzi li huma jagħtu. 

Li kieku dawn il-miżuri ttieħdu minħabba l-kriżi tal-pandemija, wieħed kien jifhimha.  Biss dawn il-miżuri tħabbru s-sena ta’ qabel, 2019, meta l-ekonomija kienet għaddejja b’ritmu tajjeb u l-banek kienu qed igawdu tajjeb minn din l-ekonomija.  Jekk naraw il-profitti li kienu ħabbru ż-żewġ banek kbar, il-BOV u l-HSBC.  Il-BOV kien għamel €89.2 miljun qabel it-taxxa u l-HSBC kien għamel €45.3 miljun qabel it-taxxa, żieda ta’ 24% fuq is-sena ta’ qabel.  Dan juri biċ-ċar li s-settur tal-banek f’Malta tilef ir-responsabbilta’ soċjali tiegħu u qed jara biss is-soċjeta’ Maltija biss bħala sors ta’ profitt.

Dan li semmejt ma kienux l-uniċi daqqiet li qalgħu speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli għaliex dawn waqt il-pandemija batew sew minħabba in-nuqqas ta’ fergħat u sew minħabba nuqqas ta’ ATMs konsegwenza ta’ miżuri oħra li kienu ttieħdu snin qabel.

Biss dan l-aħħar l-HSBC ħabbar miżura oħra li kienet ser twassal għal aktar tbatija fuq il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli.  Din kienet li għall-ewwel darba dan il-bank kien ser jimponi spejjeż oħra fuq il-konsumaturi l-aktar vulnerabbli (€60 fis-sena) għaliex kien ser idaħħal spejjeż fuq il-konsumatur li għandu kont kurrenti jew ‘savings’ u ma jiddepożitax ċerta somma ta’ flus kull tliet xhur u jekk ma jaqgħux taħt ċerta kundizzjonijiet li jeżentawhom minn dawn l-ispejjeż.

Li skantajt kien li kellha tkun għaqda volontarja, l-Għaqda tal-Konsumaturi, li qajmet furur u li wara ċċaqalqu sew il-Bank Ċentrali u sew l-MFSA biex jippruvaw jirranġaw l-affarijiet.  Biss hemm istituzzjonijiet oħra li suppost li qed jieħdu ħsieb l-interessi tal-konsumaturi Maltin li lanqas biss tniffsu.

Biex inkun ċar, dawn l-istituzzjonijiet, inklużi l-Bank Ċentrali u l-MFSA, minħabba s-suq ħieles, ma jistgħux jobbligaw lill-banek fuq prezzijiet.  Biss meta jitkellmu, speċjalment pubblikament, tant jagħmlu impatt li l-banek imbagħad jiċċaqilqu. U fil-fatt hekk ġara, għaliex skont informazzjoni li għandi, l-eċċezzjonijiet biex in-nies ma jħallsux din ic-charge, issa żdiedu u ħafna aktar nies ġew eżentati minn dawn iċ-charges.

Din il-miżura tal-HSBC kienet serja għaliex barra li kienet ser tolqot ħażin lill-konsumaturi, kienet viċin li taqleb is-sistema ta’ taħt fuq.  S’issa, għalkemm l-interessi li joffru l-banek fuq depożiti hu redikolu, kienu l-banek li jħallsuk talli tiddepożita l-flus biex huma jużaw dawn il-flus u jagħmlu qligħ peress li l-ispejjeż li jimponu meta huma jisilfu l-flus huwa ħafna akbar mill-interessi li huma jagħtu lill-konsumaturi. 

Issa l-istampa ġdida ftit ftit ġejja li l-banek mhux talli jagħmlu qligħ meta huma jisilfu, iżda anki meta l-konsumaturi jisilfuhom il-flus li l-banek isellfu.  Dan għaliex ser niġu f’sitwazzjoni li int trid tħallas meta tpoġġi l-flus il-bank.

Bħal ma ktibt aktar ‘il fuq, dan juri biċ-ċar li dan is-settur tilef il-prinċipju ta’ responsabbilta’ soċjali.

Share With: