Żewġt irġiel mixlija li wettqu serqa bi vjolenza fuq anzjan

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti mixlija li wettqu serqa bi vjolenza fuq anzjan ta’ 67 sena fl-ewwel tas-sena.

Brandan Cachia ta’ 33 sena mill-Birgu u Elton Brincat ta’ 42 sena mill-Marsa wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. 

Il-Pulizija kienet qalet li l-anzjan kien ġie aggredit minn żewġ persuni għall-ħabta tal-5.00 a.m. waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa.

Ir-raġel spiċċa fl-art wara li ngħata numru ta’ daqqiet ta’ sieq, u ż-żewġ aggressuri ħarbu minn fuq il-post b’vettura wara li serqulu l-mowbajl. L-anzjan ingħata kura medika għal ġrieħi ħfief.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cachia bil-prosekuzzjoni topponi minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li għad baqa’ diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom il-vittma li ntqal li joqgħod il-Marsa stess u li “ma tantx bdieha tajjeb is-sena”. Min-naħa l-oħra ma saret l-ebda talba fir-rigward ta’ Brincat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi u ordnat li ż-żewġ imputati jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard.

L-Avukat Martin Fenech deher għal Cachia filwaqt li l-Avukat Rene Darmanin deher għal Brincat.

Share With: