Żieda t’aktar minn doppju fl-avukati tat-tfal maħtura

Fil-preżenza tal-Ministru Edward Zammit Lewis ħadu l-ġurament seba’ avukati biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom lit-tfal fil-Qorti tal-Familja u fil-Qorti tal-Minorenni. Il-ġurament ta’ dawn l-Avukati sar mill-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti s-Sur Johan Galea.

L-irwol tal-Avukat tat-Tfal kien stabbilit permezz tal-Att Nru XXIII tal-2019. Bl-Avviż Legali 347 tal-2020 din il-liġi ġiet msaħħa, biex b’hekk issa l-Istat Malti għandu seba’ Avukati tat-Tfal minn tlieta kif kienu inizjalment. Dawn l-avukati se jkunu qed joffru għajnuna u rappreżentanza legali lil minuri kollha Maltin u Għawdxin.

Qabel ma daħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti, l-avukat tat-tfal bosta drabi kien espert maħtur mill-Qorti tal-Familja sabiex jipprepara rapport wara li jkun sema’ l-verżjoni tat-tfal b’mod kunfidenzjali. Issa l-irwol tal-avukat inbidel u ġie iċċarat.

Il-Ministru Zammit Lewis għadda messaġġ lill-avukati fejn saħaq fuq l-importanza li bħala professjonisti għandhom iwettqu xogħolhom b’serjetà, imparzjalità, f’rispett lejn il-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-pajjiż. Hu fakkarhom li l-għan aħħari tagħhom għandu dejjem ikun li jipproteġu u jirripreżentaw b’mod imparzjali u ugwali lill-minorenni li jirrikoru għal-għajnuna tagħhom u dawk li bosta drabi spiċċaw fin-nofs f’kawżi l-Qorti mingħajr ma kellhom vuċi. Il-Ministru awguralhom kull suċċess f’din il-kariga l-ġdida tagħhom u li dejjem jaħdmu fl-aqwa interess tal-minuri.

Barra din il-miżura dan il-Gvern qed jimplimenta numru ta’ inizjattivi oħra biex jipproteġi l-minuri. Fost dawn il-Ministru semma proġett fil-Qorti tal-Familja b’faċilità biex il-persuni vulnerabbli, fosthom nisa u tfal, jixhdu minn post separat mill-aggressur biex b’hekk dawn ma jkollhomx biża’ li jridu jiltaqgħu mal-istess aggressur.

Il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu matul din is-sena hi li jkompli jaħdem qatih fil-qasam tal-Ġustizzja. Hu se jaħdem biex il-Qorti tal-Familja tkompli tiġi msaħħa u jidħlu fis-seħħ numru ta’ riformi kruċjali. Permezz ta’ dan, il-Qrati tagħna jkomplu jġibu l-ewwel il-poplu Malti u Għawdxi fil-ħidma tagħhom.

Share With: