Bidla Ġenerazzjonali tirrifletti fuq is-Sentiment tal-Investitur

L-aħħar Indiċi tas-Sentiment tal-Investitur juri li l-investituri wieġbu b’mod differenti għall-aħħar żviluppi miġjuba mill-pandemija COVID-19, l-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Istati Uniti u l-moviment Brexit. L-indiċi preżenti issa jinsab fil-livell ta’ 89.60, filwaqt li l-indiċi sentiment futur laħaq 85.83, iż-żewġ indiċi juru tnaqqis sinifikanti mill-aħħar riżultati ppublikati.

Waqt laqgħa fejn tħabbru r-riżultati virtwalment, Joseph Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-BOV Asset Management qal, “Issa fil-ħames mewġa tiegħu, l-Indiċi tas-Sentiment tal-Investitur iservi bħala għodda informattiva għall-investituri biex jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati.” Huwa kompla jispjega li proġetti ta’ riċerka bħal dawn jippermettu lill-entitajiet jifhmu aktar l-investitur lokali, jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq u jfittxu modi innovattivi biex jiġi evalwat is-sentiment tal-investitur.

Immexxi minn MISCO International, l-indiċi annwali jitwettaq permezz ta’ intervisti bit-telefon fost investituri lokali. L-aħħar qari kien ir-riżultat ta madwar 602 intervista, li minnhom 52% kienu rġiel u 48% kienu nisa. Ġie nnutat ukoll li 38% ta’ dawn l-investituri huma fil-grupp ta’ età bejn 18 u 34 sena, li jindika żieda fl-investituri żgħażagħ.

Ħarsa aktar mill-qrib lejn il-profil tal-investitur Malti kif proġettat minn dawn l-intervisti turi li l-investitur Malti baqa’ konsistament jippreferi l-investiment lokali filwaqt li jżomm bilanċ fuq ir-riskju tal-investiment. Fl-istess ħin, ammont sostanzjali ta’ 31% iddikjaraw li għandhom strateġija ta’ investiment imħallta b’investimenti kemm lokali kif ukoll barranin.

“Mill-aħħar qari, ħafna mill-investituri żammew approċċ avvers għar-riskju, iżda xorta qed ifittxu li jiksbu kemm dħul kif ukoll tkabbir mill-impenji tagħhom,” qal Mark Vella, Kap tal-BOV Asset Management. “Minkejja livelli għoljin ta’ inċertezza u nuqqas ta’ stabbiltà mqiegħda fuqna mill-pandemija, l-importanza tat-tkabbir u l-ambizzjoni għadha parti integrali mill-profil tal-investitur Malti.”

L-aħħar riżultati juru li l-investimenti fl-istokks tal-gvern sofrew tnaqqis rapidu ta’ 11% mill-aħħar qari, filwaqt li aktar investituri resqu lejn fondi, bonds ta’ grad ta’ investiment u high yield bonds. Barra minn hekk, kien hemm żieda ta’ 16% fil-pjanijiet tal-pensjoni personali u tnaqqis ta’ 6% fil-bonds korporattivi lokali mir-raba’ mewġa. 43% ta’ dawn l-investituri ilhom jinvestu għal aktar minn 10 snin.

Fost id-domandi, l-investituri ġew mistoqsija minn fejn jippreferu jagħmlu l-investimenti taghhom, bil-maġġoranza (64%) tal-investituri Maltin ikomplu jagħżlu l-Banek bħala mezz ewlieni. Xorta waħda ntwera tnaqqis kbir meta wieħed jikkompara mal-75% mill-aħħar qari. Diversi tipi ta’ intermedjarji finanzjarji ssemmew minn 28% tal-investituri, filwaqt li 16% jinvestu onlajn jew waħedhom, żieda bi 8% mill-aħħar qari. Maġġoranza ta’ kważi 40% jikkunsidraw l-istokks tal-proprjetà u tal-gvern bħala l-aħjar għażliet tal-investiment.

Is-Sur Vella rrimarka li għalkemm l-indiċi futur mistenni jonqos minħabba l-isfidi miġjuba mill-pandemija COVID-19, jistgħu jittieħdu xi aspetti pożittivi mill-aħħar Indiċi tas-Sentiment tal-Investitur. “L-Investitur Malti qed jevolvi u qed isir aktar prudenti, hekk kif 34% ta’ dawn l-investituri għandhom programm ta’ investiment fix-xahar” qal Vella. “Ikun interessanti li naraw kif l-investitur lokali jiżviluppa f’xenarju wara l-pandemija, fejn in-normalita l-ġdida u l-impatt tal-bidla ġenerazzjonali jistgħu jiksbu portafolli ta’ investiment totalment differenti.”

Share With: