Byron Camilleri jfaħħar lill-Pulizija wara l-iżviluppi fil-qtil ta’ Daphne

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri innota b’sodisfazzjon l-aħħar żviluppi li seħħew b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa irrimarka dan waqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti emenda fil-liġi li se tagħmilha possibbli li dawk li jidħlu fil-Korp sal-età ta’ 39 sena jkunu jistgħu jgawdu mill-pensjoni wara 25 sena servizz.

Mingħajr ma semma dak li ġara matul il-jum tat-Tlieta, Camilleri irrefera għall-investimenti li saru fil-Korp matul l-aħħar xhur u sostna li kull meta ntalab jipprovdi aktar riżorsi tahilu.

Huwa fakkar li l-investiment fil-korpi dixxiplinati llum huma sitt darbiet aktar dak tal-2012 u allura l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.

Camilleri, li tkellem dwar din il-liġi wara l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett Beppe Fenech Adami, iddeskriva lill-istess deputat Nazzjonalista bħala “politiku fallut” wara li dan infexx fi kritika iebsa għall-mod kif qed jitmexxa l-Korp illum.

Huwa qal li Fenech Adami ma jistax jiġi fdat bil-ministeru tal-intern għax mhux kredibbli u staqsih jiftakarx kif taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm baruna tad-droga li tħalli jsiefer u investigazzjoi li twaqqfet meta feġġ ismu.

Camilleri sostna li fil-Parlament hemm żewġ skejjel ta’ ħsieb fuq l-investigazzjoni tal-Pulizja u huwa jagħmel parti mill-ewwel waħda li temmen li ministru m’għandux ikun involut f’investigazzjoni.

Il-ministru responsabbli mill-interni ikkritika lil Fenech Adami talli ħalli l-pagi tal-pulizija iffriżati u nsista li llum dawn għandhom l-aħjar kundizzjonijiet u pagi li qatt kellhom.

Share With: