Dimostrazzjonijiet kbar fi Myanmar minkejja twissijiet mill-militar li se jużaw forza letali

Dimostranti niżlu fit-toroq tal-bliet fi Maynamar f’waħda mill-akbar turija ta’ oppożizzjoni fil-pajjiż għall-militar li ħataf il-poter f’kolp ta’ stat tliet ġimgħat ilu.

Folol kbar ta’ nies inġabru f’Yangon, Naypyidaw, Mandalay u bliet oħrajn kbar, minkejja t-theddida mill-ġunta militari li kienet se tagħmel użu ta’ vjolenza letali fil-konfront tad-dimostranti.

Attivisti appellaw għal dimostrazzjonijiet tal-massa matul il-jum tal-lum.

F’xandira fuq l-istazzjon statali MRTV tard ilbieraħ filgħaxija, l-armata akkużat lid-dimostranti li kienu qed jinċitaw lin-nies, b’mod speċjali lil żgħażagħ, “biex jidħlu fit-triq ta’ konfrontazzjoni fejn se jkun hemm it-telf ta’ ħajjiet”.

Madankollu dalgħodu folol kbar ta’ dimostranti niżlu jokkupaw it-toroq tal-bliet ewlenin mingħajr ma taw widen lit-twissijiet tal-militar.

Fl-aħħar ġimgħat inqatlu tliet dimostranti fi vjolenza mal-militar, fosthom żagħżugħ u raġel waqt dimostrazzjoni f’Mandalay.

Share With: