“Domt ħafna biex aċċettajt dan kollu u biex b’xi mod intaffi mill-ġerħa”

Ittra miftuħa li fiha mara tirrakkonta l-weġgħa tagħha wara li kellha tagħmel abort…

Miktub minn CARMEN CACHIA

Il-“Break the Taboo” Malta ppubblika l-ħames storja ta’ esperjenza ta’ abort waqt il-pandemija tal-Covid-19. L-abort f’Malta huwa suġġett kontroversjali ħafna u hemm reżistenza kbira biex xi darba dan l-intervent mediku jkun disponibbli għal dawk li jiġu bżonnu. L-istorja rrakkontata f’din l-ittra hija mingħand omm li verament xtaqet li jkollha tarbija iżda minħabba malformazzjonijiet serji tal-fetu kellha kontra qalbha, b’deċiżjoni meħuda flimkien mas-sieħeb tagħha, waqfu din it-tqala.

“Fil-bidu tal-pandemija sirt naf li jien tqila. Jiena u s-sieħeb tiegħi kont ferħanin se ntiru minħabba li din it-tqala kienet waħda ppjanata. Fl-utlrasound tal-10 ġimgħa dħalt fl-uffiċċju tat-tabib waħdi. Ir-riżultati kienu tal-biżgħa. Bażikament it-tarbija kienet affettwata 99% minn abnormalità tal-kromożoni jew kundizzjoni oħra mhux magħrufa,” bdiet tirrakkonta l-mara. 

Hija qalet li f’dan l-istadju ddeċidiet li tagħmel test mhux invażiv (NIPT) fi sptar privat, test li m’huwiex offrut mill-Istat minħabba l-fatt li jekk ir-riżultati juru riskju għoli, m’hemmx soluzzjoni jew għażla x’joffrulek.

“Bl-għajnuna ta’ assoċjazzjonijiet f’Malta għamilt l-arranġamenti biex immur fir-Renju Unit,” kompliet din il-persuna. Hija qalet li f’dan il-perjodu kien hemm restrizzjonijiet fl-ivjaġġjar minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Hawnhekk hija tistqarr li f’Londra staqsewha r-raġuni għala marret fil-pajjiż u hija litteralment ħassitha qisha kriminali. 

Fetu b’kundizzjoni rari li affettwatu 99%…

Fir-Renju Unit imbagħad hija bdiet tistenna r-riżultati NIPT u għamlet appuntament għall-abort. Hija għamlet dan it-test biex tkun ċerta mija fil-mija dwar il-kundizzjoni tal-fetu fil-ġuf. Il-mara tgħid kif din l-esperjenza kissritha u kif ta’ kuljum kienet tibki minħabba l-għażliet iebsa li kellha quddiemha. 

Hija qalet li minħabba li l-qraba ma marrux magħha, hija kienet waħidha mas-sieħeb tagħha u li s-sitwazzjoni kienet agħar minħabba l-pandemija. 

“Irċevejt ir-riżultati mingħand it-tabib tiegħi li kkonfermaw kundizzjoni rari fil-fetu. Għamilt l-abort u domt ħafna biex aċċettajt dan kollu u biex, b’xi mod, nerġa’ nibda ntaffi minn din il-ġerħa. Kelli nitlaq lill-pajjiżi, lill-qraba… l-agħar parti, f’dan kollu kelli nara u nkun ċerta li se ningħata l-aħjar trattament possibbli,” kompliet tirrakkonta din il-mara.

Fl-ittra qalet li dan kollu swieha €3,000 u dan minħabba li l-prezzijiet għolew konsegwenza tar-restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19.

Il-mara, li ffirmat bl-isem fittizju ta’ Joey, qalet li llum il-ġurnata hija kuntenta ħafna għax reġgħet ħarġet tqila u din id-darba kollox sejjer tajjeb. Hija sostniet li, “l-abort huwa dritt uman. In-nisa Maltin għandhom id-dritt għal aċċess liberu għall-kura ta’ saħħithom, kif ukoll sostenn. Sal-ġurnata tal-lum għadni ma nistax niddeskrivi l-weġgħa li għaddejt minnha fl-isptar u jkolli nigdeb dwar it-tqala preċedenti fejn għidilthom biex iniżluha bħala miscarriage”.

L-ittra tissokta billi tgħid li għaliha, din is-sitwazzjoni fis-sena 2021 hija diżgustanti u inaċċettabbli.

Share With: