€20,000 multa talli sfrutta annimali biex jagħmel negozju minnhom

Raġel ġie mmultat €20,000 wara li ammetta li ħaqar numru ta’ annimali u li għamel negozju minnhom. 

Sergio Borg kien mixli li fis-7 ta’ Frar 2020, u fil-ġranet jew fix-xhur ta’ qabel, ġiegħel kelb isofri uġigħ tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, rabat b’katina jew strinġa kelb jew ikkawża li dan jintrabat marbuta ma’ oġġett wieqaf, żamm kelb t’erba’ xhur jew aktar mingħajr liċenzja u li kellu fil-pussess tiegħu kelb li ma rreġistrahx. Huwa ġie mixli wkoll li żamm klieb ristretti ġo magħlaq iżgħar mill-minimu permess mil-liġi u li sar reċidiv.

Quddiem il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, Borg ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu mill-Ispettur Melvyn Camilleri.

Il-Maġistrat iddeskrivit l-għemil tiegħu bħala wieħed “xokkanti” u “deplorevoli” hekk kif qalet li hu ċar li l-imputat ma jiddejjaq xejn jisfrutta u jaħqar annimali sempliċement biex ikompli jħaxxen il-bwiet tiegħu minn negozju li jgħammar kemm klieb kif ukoll fniek.

Ġie innotat ukoll li l-annimali nżammu f’kundizzjonijiet nieqsa minn kull iġene, fi spazju ristrett, mingħajr ventilazzjoni u mċaħħda minn ikel u xorb. Il-klieb miżmuma f’dawn il-kundizzjonijiet kienu xejn anqas minn disa’ filwaqt li nstabu numru konsiderevoli ta’ fniek f’gaggeġ kollha ħmieġ.

Apparti mill-multa li ġie ordnat iħallas, Borg ġie wkoll projbit milli jkollu kelb jew milli japplika għal xi liċenzja oħra ta’ kelb għal għomru.

Share With: