€23,000 kumpens talli tkeċċa mill-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann

Raġel li kien jaħdem bħala kustodju fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann rebaħ €23,000 f’kumpens wara li t-Tribunal Industrijali ikkonkluda li t-tkeċċija tiegħu fl-2017 kienet inġusta.

Romualdo Farrugia fetaħ il-kawża kontra l-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann li tmexxi l-istess bini storiku.

Farrugia, li kellu 55 sena meta tkeċċa, kien ilu jaħdem hemm 32 sena u l-argument nqala’ b’rabta max-xogħol fl-Oratorju wara li lmenta li ma setax jaħdem hemm minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Il-Kap Eżekuttiv Cynthia De Giorgio, li ħadet id-deċiżjoni li tkeċċih anke wara l-approvazzjoni tal-kunsill tal-imsemmija fondazzjoni, insistiet li huwa naqas li jobdi l-ordnijiet li ngħata nkluż fejn kellu jaħdem.

Wara li sema diversi impjegati, inkluż fit-tmexxija tal-Kon-Kattidral, it-Tribunal Industrijali presedut minn Charles Cassar ikkonkluda li l-mod kif tkeċċa ma tax lil Farrugia ċans xieraq li jiddefendi lilu nnifsu kif jixraq.

Kien għalhekk li waqt li sab it-tkeċċija bħala waħda inġusta meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens qies l-età li kellu, kemm dam jaħdem hemm u l-fatt li dam seba’ xhur qabel ma sab impjieg ieħor.

F’din il-kawża Farrugia kellu jidher għalih lill-Avukat Kirk Brincau waqt li l-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral lil Fr Emmanuel Agius u l-Avukat Phyllis Aquilina.

Share With: