€900 miljun l-impatt tal-Covid-19 fuq il-pajjiż

L-impatt li ħalla l-Covid19 fuq il-pajjiż matul is-sena li għaddiet ilaħħaq id-€900 miljun waqt li d-defiċit mistenni jkun ta’ 9.4%.

Kien il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana li żvela dan fil-Parlament waqt li kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet minn deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Caruana kien mistoqsi dwar il-‘wage supplement’ fejn tenna li kieku ma kienx għal din l-għajnuna tal-Gvern il-qgħad kien jisplodi.

Huwa reġa’ iddikjara l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jagħti dan il-benefiċċju sakemm ikun hemm bżonn, u allura lilhin minn Marzu, ħalli r-riżultati miksuba matul ix-xhur li għaddew ma jintilfux.

Dwar is-sitwazzjoni fl-Airmalta huwa stqarr li l-kontijiet finanzjarji għall-aħħar sentejn tlestew u se jiġu ippubblikati meta l-affarijiet jiġu mgħoddija lill-UE waqt li sostna li m’hemm xejn x’jinħeba.

Caruana nsista li meta l-linja nazzjonali tal-ajru għaddiet f’idejh ħass li l-pjan li kien qed jitħejja għall-approvazzjoni tal-UE kellu jkun aktar robust.

Il-Ministru tal-Finanzi saħaq ukoll li biex timxi ‘l quddiem l-Airmalta jeħtieġ titmexxa bħala entità privata f’termini kummerċjali.

Dwar il-possibilità li ħaddiema Għawdxin jingħataw il-possibilità jaħdmu bit-telework flok jinżlu Malta huwa sostna li fejn possibbli jaqbel.

Fir-rigward tal-irkupru ekonomiku tal-pajjiż il-ministru responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż qal li dan jiddependi mill-andament turistiku.

Share With: