Fi 30 sena kwart tal-popolazzjoni mistennija tkun anzjana

Minn Carmen Cachia

Fl-2050 kwart il-popolazzjoni ta’ Malta hija kkalkulata li tilħaq il-kwart tat-total ta’ nies li jgħixu fuq il-gżira. Dan ifisser li persuna minn kull erbgħa tas-soċjetà tagħna se jkollhom l-età ta’ ‘l fuq minn 60 sena. L-anzjanità f’pajjiżna bdiet tintlaħaq u t-tul ta’ ħajja żdied grazzi għall-Perit Mintoff li għamel sistema ta’ saħħa b’xejn u tagħhom għixien tajjeb b’akkomodazzjonijiet soċjali u ħruġ ta’ pensjonijiet. Dan l-ammont sabiħ ta’ anzjani li diġà għandna preżentament u mistenni jiżdied fil-futur, huwa prova ta’ kemm Malta tieħu ħsieb lill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel u l-ħidma tal-Gvern bħalissa hija dik li jkompli jgħinhom u aktar milli jmorru jgħixu f’residenzi tal-anzjani, iħeġġihom biex jibqgħu attivi u jgħixu fil-komunità.

Ninsabu fi żmien l-“Anzjanità fid-Dinja” fejn qatt ma kellna porzjon tal-popolazzjoni tagħna li hija magħmula mill-anzjani, daqs dawn iż-żminijiet. Qegħdin nirreferu għall-persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. 

Wara li t-Tieni Gwerra Dinjija, li ġrat is-seklu l-ieħor, il-familji kienu jridu juru l-imħabba tagħhom lejn xulxin u kellna familji b’numru kbir tat-tfal. Dawk it-tfal li twieldu f’dan il-perjodu, illum huma l-anzjani tagħna u allura din l-mewġa ta’ numru kbir ta’ anzjani bdiet minn dan il-fatt u sejra tkompli minn ħafna deċizjonijiet oħra.

Fattur li kien sinjifikanti kien is-sistema ta’ saħħa b’xejn għal kulħadd. Dwar dan, L-ORIZZONT tkellem mal-Ġerantoloġist, Anthony Aguis Decelis, li jagħtina spjegazzjoni ta’ kif ilħaqna dan il-fenomenu tal-anzjanità, kif il-pajjiż qiegħed jgħin lill-anzjani u fl-istess ħin jilqa’ għall-isfidi relatati, kif ukoll xi jfisser dan kollu għall-anzjani tagħna.

Żieda ta’ 17-il sena fuq l-età medja ta’ kemm persuna tgħix

“Qabel mal-Gvern tal-Perit Dom Mintoff għamel is-sistema ta’ saħħa b’xejn, il-poplu ried iħallas għas-servizzi mediċi. Dan il-fatt seta’ naqqas l-użu tas-servizzi mediċi. Tajjeb li ngħidu wkoll li meta fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern ta’ Mintoff fis-sebgħinijiet daħħal is-sistema ta’ saħħa b’xejn għal kulhadd, l-average age expectation tal-poplu tagħna kienet ta’ 68 sena. Illum il-ġurnata, l-età medja ta’ kemm persuna tgħix hija għall-irgiel 83 u għan-nisa 85 sena,” beda jispjega Agius Decelis.

Minn mindu Mintoff beda bir-riformi, wieħed seta’ jieħu ħsieb saħħtu b’xejn u f’kull kantuniera tal-pajjiż bdew jinbnew iċ-ċentri tas-saħħa. Bdew servizzi bla ħlas ta’ tobba fid-djar, tqassim ta’ pilloli importanti għas-saħħa; kif ukoll viżti u operazzjonijiet. Ma’ dawn bdew isiru sforzi għall-edukazzjoni tal-poplu għal bdil fl-istil tal-ħajja u livell ta’ għixien aħjar, bdew jinbnew l-oqsma tad-djar u l-ħaddiema kisbu pagi diċenti u b’hekk bdew jieklu aktar tajjeb. 

Dan ifisser li bit-tibdil u riformi li għamel il-Perit Mintoff fis-sebgħinijiet, il-ħajja ta’ kull individwu żdiedet b’medja ta’ 17 il-sena. F’perjodu daqshekk qasir ta’ 45 sena. Dan huwa sinjifikanti ħafna u din kienet bidla kruċjali għall-klassi tan-nies tax-xogħol f’Malta. 

Illum għad għandna pajjiżi fid-dinja fejn li jkollok 40 u 45 sena tkun anzjan u l-average age expectation ta’ diversi popli, anke  dawk qribna, hija inqas minn tagħna sewwa.

L-anzjani Maltin l-aktar li jibqgħu attivi fl-Ewropa

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) taqsam l-età tal-anzjani tagħna f’żewġ kategoriji – il-young old, jiġifieri dawk ta’ bejn is-60 u l-75 sena u l-old old – dawk li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. Kif nistgħu nimmaġinaw, dawn huma żewġ gruppi li jistgħu jkollhom bżonnijiet differenti. 

“Ħafna drabi llum ta’ 66 sena tkun għadek tħossok b’saħħtek u tiflaħ tagħmel ħafna affarijiet li tkun tagħmel meta tkun iżgħar. Fil-fatt Malta għandha l-ogħla rata ta’ nisa li sa età għolja, ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu 90% ta’ dak kollu li jkunu jistgħu jagħmlu tul ħajjithom kollha u jiġu l-ewwel fl-Ewropa. Filwaqt li l-irgiel Maltin jiġu t-tieni fil-kategorija tal-popolazzjoni Ewropea li jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu l-affarijiet li jagħmlu tul ħajjitom kollha,” spjega dan il-Ġerantoloġist. 

Huwa qal li bla dubju ta’ xejn, iktar ma tikber fiż-żmien, iktar jista’ jkollok komplikazzjonijiet ta’ saħħa u dawn kollha jistgħu jafettwaw il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja u attwalment il-ħajja kif ngħixuha. 

Il-kura fid-djar tal-anzjani tiswa ħafna flus

Li forsi xi wħud ma jafux huwa l-fatt li l-kura fid-djar tal-anzjani tiswa ħafna flus. L-irħas prezz li l-Gvern iħallas huwa ta’ €2,000 fix-xahar u dan ifisser li kull anzjan f’dawn ir-residenzi, lill-poplu jiġih €24,000 fis-sena. Ħafna mill-anzjani jħallsu 60% tal-pensjoni tagħhom għal dan is-servizz, jiġifieri jekk ikollu €800 pensjoni, iħallas €480 fix-xahar.

Għall-anzjani din tidher bħala somma kbira għax hija parti sostanzjali mid-dħul tagħhom. Imma, fil-verità, dawn ikopru biss sebat ijiem u nofs mill-pagament kollu li jsir mill-Gvern. Hemm postijiet bħal San Vincenz li min imur hemm għandu dipendenza medika aktar għolja u l-Gvern irid joħroġ ħafna aktar minn €65 kuljum għal kull anzjan. F’dan il-każ, l-anzjani jħallsu 80% tal-pensjoni tagħhom.

Anthony Agius Decelis qalilna li, “l-istituzzjonaliżmu huwa l-aħħar karta għalina,” fejn żied jgħid li, “kieku nistgħu, nagħmlu ħilitna kollha biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità għal kemm jista’ jkun tul ta’ żmien. Biex inkomplu dan il-pjan konna qassamna lill-anzjani fi tliet kategoriji.” 

Il-kategoriji msemmija huma – il-grupp ta’ anzjani li l-aktar li għandhom bżonn ta’ support mediku u dawn imorru fi djar li joffru servizzi mediċi speċjalizzati; it-tieni kategorija tiġbor fiha lill-anzjani li għandhom bżonn ta’ support bażiku imma mhux mediku kbir; u t-tielet grupp huma l-anzjani li m’għandhom bżonn ta’ ebda support mediku. 

“Bħala Soċjalisti aħna kontra d-diskriminazzjoni…”

“Dawn tal-aħħar kategorija huma mħeġġa jibqgħu jgħixu fil-komunità. Wara li rbaħna l-elezzjoni tal-2013, neħħejna lill-anzjani mill-qasam tas-saħħa għax qatt ma ridna li l-anzjani tagħna jkunu fl-aspett mediku. L-aktar ħaġa li nemmnu fiha hija li l-anzjani huma ta’ kontribut kbir lis-soċjetà u għall-familji tagħna,” qal Agius Decelis.

Taħt Gvern Laburista saret strateġija nazzjonali ta’ anzjanità attiva bbażata fuq tliet kolonni li bażikament tara l-kontribut tal-anzjani fil-qasam ekonomiku, soċjali u familjari. “Dan il-kontribut għalina huwa imprezzabbli u ridna nbiddlu fejn hemm bżonn biex ħadd ma jħossu mwarrab jew li hemm xi tip ta’ diskriminazzjoni kontra tiegħu minħabba l-età,” spjega dan il-Gerantoloġist.

“Ageism” hija diskriminazzjoni li ssir kontra l-anzjani minħabba l-età tagħhom fuq tliet sferi – dak mediku, fid-dinja tax-xogħol jew fis-soċjetà b’mod ġenerali. Agius Decelis sostna li kulħadd għandu jingħata l-istess opportunitajiet u dan irrelevanti mill-età li jkollu. 

Spjega kif, “ageism” hija diskriminazzjoni bħal kull diskriminazzjoni oħra li ġġib inġustizzja u tnaqqas il-ġustizzja soċjali. Aħna bħala Soċjalisti, kontra din it-tip ta’ diskriminazzjoni wkoll. “Nemmnu li jekk l-anzjani jridu jkomplu jagħtu kontribut anke wara l-età tal-pensjoni, jistgħu jagħmlu dan b’armonija u libertà mal-kumplament tas-soċjetà”.

Riżorsa u mhux piż

Huwa proprju għalhekk li s-servizzi ppjanati mill-Gvern għandhom ikunu mmirati biex jgħin kemm jista’ lill-anzjani tagħna ħalli jibqgħu fil-komunità bil-bżonnijiet tagħhom. Għal dan il-Gvern, l-anzjani huma riżorsa importanti fis-soċjetà u mhux piż fuq l-ekonomija.

Agius Decelis qal li llum sar pass ieħor li jkompli jikkonferma kemm l-anzjani huma fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. “Illum għandna Ministeru li huwa ddedikat għall-anzjanità attiva. Din kienet ħolma tiegħi li rajtha ssir realtà. Nistqarr li kont ferħan ħafna meta dan seħħ għax dan huwa dak li xtaqna li jsir f’dan il-qasam. Dan apparti li l-baġit għal dan is-settur sploda. Fl-2012 il-baġit għall-anzjani u s-servizzi relatati kien ta’ ftit aktar minn €40 miljun mentri llum il-ġurnata l-baġit għall-anzjanità attiva jaqbeż sew l-€170 miljun. Dan il-baġit ikopri servizzi fil-komunità, djar tal-anzjani u San Vincens de Paul,” kompla dan il-politiku. 

Huwa qal li biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità hemm bżonn li jkomplu jsiru servizzi fil-komunità bil-għan li l-anzjani jkomplu jagħmlu kuraġġ u jagħmlu dan. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar snin il-Gvern tal-PL għamel diversi servizzi importanti u tejjeb oħrajn, fosthom it-“Tuk Tuk”, trasport pubbliku b’xejn, skooter tal-elettriku fil-Belt Valletta, il-Home Help, il-Meal on Wheels u s-servizz ta’ Flabatomija.

“Bla dubju ta’ xejn jiena bħala Ġerantologista ninstab sodisfatt bil-mod kif qegħdin jiżviluppaw l-affarijiet f’dan il-qasam, mhux biss għax se nersqu lejn kwart tal-popolazzjoni tagħna li jkunu anzjani, imma għax kull persuna għandha tingħata l-opportunità li tibqa’ tgħix b’dinjità tul ħajjitha kollha,” temm Anthony Agius Decelis.

Share With: