Il-Ministru Aaron Farrugia jgħid li l-Oppożizzjoni mhix tikkopera biex issir bidla fis-settur tal-kostruzzjoni

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia kkritika lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li mhix tikkopera biżżejjed biex mill-aktar fis jingħalaq il-proċess li se jservi biex issir bidla fis-settur tal-kostruzzjoni.

Filwaqt li appella lill-Oppożizzjoni biex ma tibqax tipposponi huwa saħaq li hija għandha tara li tkun disponibbli biex jitlaqqa’ l-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi u jintemm il-proċess li għandu jwaqqaf l-awtorità l-ġdida li tirregola s-settur tal-kostruzzjoni. Apparti dan il-Ministru Farrugia talabha biex tinnomina persuna għal fuq il-bord li se jkun qed jitwaqqaf biex imexxi din l-awtorità.

Huwa saħaq li filwaqt li ilu tliet ġimgħat li talab din in-nomina, l-Opożizzjoni baqgħet ma tagħtu l-ebda risposta.

“Dan hu suġġett fejn irridu naħdmu flimkien u fejn irridu nuru rieda li niddeċiedu,” temm jgħid il-Ministru Farrugia f’kummenti li għamel fuq il-midja soċjali.

Intant fil-jiem li għaddew il-Gvern ħabbar numru ta’ riformi fis-settur tal-kostruzzjoni. Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet nhar is-Sibt li għadda, il-Ministru Farrugia qal li n-numru ta’ spetturi ta’ siti ta’ kostruzzjoni se jkunu qed jirdoppjaw sa tmiem din is-sena.

Huwa qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jaħtar tim ta’ esperti tekniċi li se jkun qed iżid il-livell ta’ skrutinju fuq il-method statement ta’ siti ta’ kostruzzjoni u skavar.

Apparti dan se jkun imniedi numru free phone li jista’ jintuża mir-residenti biex iressqu lmenti dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Share With: